Dalgħodu kien imiss lill-eks Ministru Evarist Bartolo li fetħilha fuq Facebook rigward it-tensjoni politika li għaddej minnha bħalissa l-Prim Ministru Robert Abela. U mingħajr ma semma’ ismijiet, stqarr li bħalissa qisu għandna vapur li jinsab immexxi b’nofs qalb, u n-nies qed jitilfu l-fiduċja.
“Hemm vapur f’nofs ta’ baħar bil-kaptan imexxi b’nofs qalb. Iżjed mill-ekwipaġġ qed jitilfu l-fiducja fih. Iżda ma jinħassx xi entużjażmu biex xi ħadd jeħodlu postu”, stqarr Evarist Bartolo.
L-eks Ministru kiteb illi l-passiġġieri jistgħu jagħżlu kaptan ġdid u ekwipaġġ ġdid. Imma skont Bartolo, “m’għandhomx fiduċja f’dawk li jgħidu li lesti jidħlu jieħdu ħsieb il-vapur huma”.
Evarist Bartolo jistqasi x’se jiġi issa li l-vapur spiċċa waħdu “bla direzzjoni fejn jieħduh il-kurrenti, il-mewġ u r-riħ.”



