Lokali Qorti

Żewġ Niġerjani akkużati li wettqu feriti gravi fuq xulxin jinżammu arrestati

Żewġ Niġerjani li kienu akkużati li kkaġunaw feriti gravi fuq xulxin viċin il-knisja tal-Qawra nhar il-Ħadd li għadda nżammu taħt arrest wara li tressqu quddiem il-Maġistrat Abigail Critien. Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li Desmond Sylvester ta’ 24 sena nstab f’għadira demm u ftit bogħod minnu kien hemm Stanley Ebende, bit-tnejn li huma jittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura.

Ħareġ li filwaqt li Sylvester ilu xahrejn Malta u m’għandux dokumenti jew passaport Malti filwaqt li Stanley Ebende ta’ 27 sena ilu Malta bejn tlieta u erba’ xhur u d-dokumenti daqs jiskadu. Sylvester sofra minn ġrieħi aktar gravi minn ta’ Ebende u fil-fatt kellu jiġi operat fi ftit tal-ħin wara li wasal l-isptar. In-Niġerjani wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin kontrihom.

Huma ġew akkużati prattikament bl-istess akkużi. Dik li fis-6 ta’ Awwissu bejn is-6pm. U t-8pm. Fi Triq Annetto Caruana, San Pawl il-Baħar mingħajr il-ħsieb li jikkommettu qtil jew li jqiegħedu il-ħajja ta’ xulxin f’periklu ċar, permezz ta’ strument li jaqta’ u jniggeż, f’dan il-każ flixkun – kkaġunaw feriti ta’ natura gravi fuq xulxin, skont kif ġie ċċertifikat mit-tobba tal-isptar Mater Dei.

Ġew mixlija wkoll li fl-istess data, ħin u post, b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġunaw ħsarat fuq karozza Peugeot 208 għad-dannu ta’ sidha. Akkużati wkoll li nġurjaw u użaw kliem ta’ theddid u li fl-istess ħin li kkommettew r-reati billi ħarġu l-barra mill-limiti tal-provokazzjoni u li kisru il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. It-tnejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Saret talba għall-pleġġ mid-difiża li kellha oġġezzjoni qawwija minn naħa tal-prosekuzzjoni minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi u li għad hemm xhieda pajżana li għad iridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom.

Il-Qorti qablet mat-teżi tal-prosekuzzjoni u ċaħdet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati. L-Avukat Martin Fenech deher għal Desmond Sylvester filwaqt li l-Avukat Mattia Fenech deher għal Stanley Ebende. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello.