Il-problema inkontrollabbli tal-iskart qed tolqot ukoll lill-gżira Għawdxija hekk kif f’diversi toroq fil-lokalità ta’ Marsalforn spiċċaw b’munzelli ta’ skart mitluq ma’ kullimkien.
Kollox beda minħabba l-fatt li l-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart mhux qed titħaddem sew f’din il-lokalità – skema li naqqset mill-frekwenza tal-ġbir tal-iskart.
Fil-fatt, fil-passat il-borża s-sewda kienet tinġabar b’mod regolari. Iżda issa b’din l-iskeda l-ġdida l-borża qed tinġabar biss darbtejn fil-ġimgħa.
Kaġun t’hekk peress li l-lokalità ta’ Marsalforn hija post turistiku, u fis-sajf ikun hemm eluf ta’ viżitaturi qed jispiċċa jinġema’ ammont kbir ta’ skart. Dan apparti t-telqa li qed tiddomina din iż-żona…u żoni oħra turistiċi madwar Għawdex kollu.
Il-Kunsill Lokali ilu diversi xhur jilmenta mal-awtoritajiet sabiex jindirizzaw din il-problemi tant serja hekk kif issa, skont kif qalulna numru ta’ residenti, fit-Triq in-Naħla u Triq il-Borda saħansitra qed ikun hemm il-ġrieden. Iżda s’issa l-Kunsill baqa’ bla risposta u mingħajr ebda soluzzjoni.
B’Kunsilliera jispiċċaw jilmentaw għall-fatt li l-Gvern qed ikompli jnaqqar l-poter tal-Kunsilli Lokali hekk kif il-Kunsilli m’għadhomx responsabbli mill-ġbir tal-iskart iżda xorta waħda jridu jħallsu għal dan is-servizz.
//= $special ?>