Bagalji, munzell ta’ boroż, għamara, kaxxi kbar mitluqin bl-addoċċ u ħafna affarijiet oħra. F’dawn ir-ritratti kif ukoll filmati meħudin matul il-jum tal-Erbgħa tidher b’mod ċar it-telqa li qed tiddomina l-lokalitajiet tas-Swieqi, San Ġiljan kif ukoll Tas-Sliema.
Dawn huma tlett lokalitajiet li jilqgħu ħafna turisti matul is-sena, li allura jiġġeneraw ħafna skart. Iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber din il-problema.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Partit Nazzjonalista fil-Balluta it-tliet Sindki ta’ dawn il-lokalitajiet saħqu li hemm bżonn li tittieħed azzjoni illum qabel għada.
Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat qal li din il-problema ilha ħafna għaddejja; iżda issa din is-sitwazzjoni splodiet tant li r-residenti jinsabu mxebba b’din il-problema tant serja. Huwa qal li s’issa għadhom qatt ma ngħataw widen minkejja l-ilmenti kollha li għamlu mal-awtoritajiet.
Minn naħa tiegħu s-Sindku ta’ Tas Sliema John Pillow spjega kif kaġun ta’ dan l-iskart kollu matul il-ġurnata kollha issa qed jesperjenzaw problema kbira ta’ ġrieden. Barra minn hekk, huwa insista fuq l-importanza li jsir aktar infurzar għaliex f’sitt xhur ingħataw biss 18-il ċitazzjoni.
Is-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli minn naha tieghu qal li hemm bżonn li ssir diskussjoni bejn il-Kunsilli Lokali u l-awtoritajiet sabiex jiġu implimentati soluzzjonijiet għal lokalitajiet aktar nodfa. Apparti minn hekk huwa saħaq fuq il-fatt li hemm bżonn azzjoni b’mod immedjat għaliex din il-kriżi laħqet livelli inaċċettabbli.
Il-President tal-Kumitat Reġjonali tal-Lvant Anthony Chircop sostna li din il-problema għandha tiġi ndirizzata għaliex hija sitwazzjoni ferm inkwetanti. Anthony Chircop qal li l-kuntrattur li jiġbor l-iskart jista’ jiġbor biss dik il-borża li tkun skedata għal dak il-jum. U għalhekk, meta tinħareġ borża f’ħin ħażin jew ġurnata żbaljata din qed tibqa’ hemm għal diversi ġranet.
F’kummenti ma’ Net News il-Ko-ordinatur tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista Charles Bonello qal li qed issir pressjoni kbira fuq il-Kunsilli Lokali meta dawn fil-fatt m’għadhomx responsabbli mill-ġbir tal-iskart.
Apparti minn hekk, Charles Bonello saħaq fuq l-importanza li tittieħed azzjoni illum qabel għada sabiex nipproteġu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna filwaqt li jkollna lokalitajiet nodfa.
//= $special ?>