Għawdex Kultura Lokali

Inawgurat l-ewwel Park Arkeoloġiku dinji f’baħar fond fix-Xlendi

Ftit tal-jiem ilu kien inawgurat l-ewwel Park Arkeoloġiku f’baħar fond fix-Xlendi u li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fid-dinja.

Fl-2020 dan is-sit ġie dikjarat bħala Żona Arkeoloġika fil-Baħar u jkopri żona rettangolari ta’ valur arkeoloġiku sinifikanti, b’total ta’ 67,000metru kwadu. Issa permezz ta’ dan il-park, riċerkaturi u bugħaddasa tekniċi mid-dinja kollha jistgħu jesploraw l-istorja ta’ Malta mil-lat arkeoloġiku.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-park, il-Professur Timmy Gambin, li jmexxi t-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar fi ħdan Heritage Malta, semma kif fix-Xlendi ilha tintuża teknoloġija innovattiva ta’ taħt il-baħar sa minn tmiem is-snin 50 tas-seklu l-ieħor.

Huwa qal li dan il-park uniku hu xhieda tal-valur tal-fdalijiet arkeoloġiċi lil hinn mill-kosta tax-Xlendi, filwaqt li jagħmel il-wirt kulturali u l-prodott turistiku ta’ Għawdex aktar għani.

Permezz ta’ sforzi kollaborattivi oħra fil-ġejjieni, u grazzi għall-appoġġ ġeneruż tal-Malta Airport Foundation, Għawdex se jkompli jiżviluppa bħala ċentru ta’ eċċellenza fl-oqsma tal-arkeoloġija ta’ taħt il-baħar u l-immaniġġjar tal-wirt kulturali.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Malta Airport Foundation Josef Formosa Gauci qal li l-fondazzjoni tat l-appoġġ kollu tagħha għal dan il-proġett għaliex il-wirt ta’ taħt il-baħar huwa parti integrali mill-prodott turistiku tal-Gżejjer Maltin kif ukoll mill-identità ta’ pajjiżna.

Minkejja li l-fond li fih jinsab dan il-park jagħmlu aċċessibbli biss għall-għaddasa tekniċi, ta’ min ifaħħar il-ħidma ta’ Heritage Malta sabiex twassal dak li hemm mistur f’qiegħ il-baħar għand udjenzi speċjalizzati u l-pubbliku.

Is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri qal li inizjattivi bħal dawn joffru dimensjoni unika tal-wirt kulturali u storiku li jinsab fix-Xlendi u l-promozzjoni tal-istorja rikka tiegħu. Dan hekk kif b’dan it-tip ta’ inizjattivi wieħed ikun jista’ jippreservaw u jibqa’ jitgawda dak li verament isawwar lil din il-lokalità.

Il-qiegħ tal-baħar hu karaterizzat minn ramel fin u sikek tal-qroll estinti. Madwar is-sikek wieħed jista’ jara ġemgħat ta’ oġġetti arkeoloġiċi, l-aktar anfori. Aktarx li hemm aktar fdalijiet arkeoloġiċi midfunin fir-ramel, meta wieħed iqis is-sediment li jinġarr kontinwament mill-wied tax-Xlendi kif ukoll il-preżenza ta’ oġġetti midfunin parzjalment.

Il-park, sponsorjat mill-Malta Airport Foundation, huwa l-frott ta’ sforz kollaborattiv bejn it-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar fi ħdan Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, l-Università ta’ Malta u l-Kunsill Lokali tal-Munxar.

Wieħed jista’ jaċċess dan il-park b’mod virtwali billi jidħol fuq is-sit www.underwatermalta.org.