Lokali

Kandidat tal-Labour iwissi li l-Partit Laburista “għandu bżonn theżżiża tajba”

“Issa billi ma tivvutawx, x’se tieħdu?”

Dan kien it-titlu fil-gazzetta It-Torċa f’paġna 21 miktub mill-kandidat tal-Labour, Edward Cassar Delia; kitba li fiha joħroġ is-sentiment tat-“theżżiż” li hemm fi ħdan il-Gvern Laburista – titlu li ġab miegħu ħafna rabja u reazzjonijiet iebsin.

Cassar Delia, li kien kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali tas-sena l-oħra fuq it-Tieni u t-Tielet Distrett, esprima l-imħabba kbira tiegħu lejn il-Partit Laburista filwaqt li qal li mhux lest li jħallih imajna. Hu saħaq li dawk li qedgħin fit-tmexxija tal-Labour għandhom bżonn iduru dawra magħhom infushom u jagħtu t-theżżiża li hemm bżonn meta l-pajjiż jinsab inqas minn sena bogħod minn test elettorali… test li qed jidher ibeżża’ sew lin-nies ta’ Robert Abela.

Edward Cassar Delia żied jgħid li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu bżonn, illum qabel għada, jindirizza numru ta’ kwistjonijiet li qegħdin jippreokkupaw lill-poplu.

Dan l-artiklu, li ġie xxerjat fuq Facebook mill-Kandidat Laburista stess, ħoloq rabja kbira fost in-nies fejn permezz tal-kummenti tagħhom bdew iwieġbu għall-mistoqsija li għamel Cassar Delia fl-artiklu.

B’persuna tistqarr li jekk wieħed ma jivvotax, “ma jkunx kompliċi fil-massakru ta’ Malta u l-Maltin, anzi jekk tivvota tiġi ħati daqs minn qed jeqridhom.”

U persuna oħra saħqet li hi vvotat lill-Partit Laburista biex imexxi lil pajjiżna iżda minflok qed tara li dak “li ivvutaw għalih inbidel, mhux qed jaraw quddiemhom Malta li ivvutaw għaliha, l-għoli tal-ħajja qed tkompli tgħafas iktar minn qatt qabel, filwaqt li mill-paga li jkollok il-bank ma jtikx loan biex tixtri post.” Bl-istess kumment jistqarr illi dawn l-affarijiet, il-Gvern Laburista “jafhom iżda ma jsir xejn. U ħafna jinsabu mweġġgħa”.