Lokali

Kwistjoni li ma tistax tibqa’ tkarkar għexieren ta’ snin – UĦM

Il-UHM Voice of the Workers tilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni li għamel il-Ministru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon dwar l-anomalija tal-pensjonijiet ta’ dawk li twieldu qabel l-1962.

Dan hu pass importanti ħafna għax sa fl-aħħar qed ikun aċċettat mill-Gvern, il-fatt li bir-riforma li kienet saret fl-2006 dawk il-pensjonanti li twieldu qabel l1962 ġew żvantaġġjati meta mqabbla ma’ dawk li twieldu mill-1962 ’il quddiem.

Il-UHM temmen bis-sħiħ li ħadd m’għandu jiġi diskriminat sempliċiment skont id-data tat-twelid.

Il-pensjoni għandha tiddependi skont il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u lpaga tal-ħaddiem matul is-snin fid-dinja tax-xogħol. B’dan il-mod ir-relattività tal-iskali li fuqhom huma bbażati s-salarji tal-ħaddiema tal-gvern tkun riflessa wkoll fil-pensjoni.

Filwaqt li l-union tifhem li din l-anomalija ma tistax tkun indirizzata mil-lejl għannhar, tistenna li l-kwistjoni tissolva fi ftit snin u mhux tibqa’ tkarkar għexieren ta’ snin.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu il-Kap Eżekuttiv Josef Vella qal li “m’għandniex nitilfu l-baġit ta’ din is-sena biex tibda tiġi indirizzata din id-diskriminazzjoni”.

Il-UHM Voice of the Workers tibqa’ dejjem miftuħa għad-diskussjonijiet u lesta tagħmel il-proposti tagħha madwar mejda biex il-pensjonanti ta’ qabel 1962 jieħdu dak li hu dovut lilhom.