Lokali Qorti

Mixli b’kunfidenza żejda b’konnotazzjonijiet sesswali fl-isptar Mater Dei

Il-Kamra Mortwarja - Ritratt: Matthew Tabone

Raġel ta’ 45 sena miż-Żurrieq, li jaħdem l-isptar Mater Dei ġie mixli quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil li nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Awwissu f’ħinijiet differenti wettaq kunfidenza żejda b’konnotazzjoni sesswali fuq mara fl-istess sptar u fejn hi kienet qed taħdem dak inhar – meta biesha u messilha sidirha.

Il-każ ġie nvestigat mill-Ispettur Eman Hayman u l-allegat reat seħħ fis-sezzjoni tal-Kamra Mortwarja fil-konfront ta’ mara li taħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà minn Kenneth Ciantar Il-mara hi mpjegata ma’ kuntrattur u mhijex impjegata direttament ma’ l-isptar.

Jidher li hi ħadet interess fix-xogħol li hu jagħmel, dak li jipprepara l-katavri lit-tobba biex issir awtopsja fuqhom. Jidher li ’ħin minnhom il-mara staqsietu biex juriha fejn jinsab it-tiolet, u kien hawn li hu allegatament biesha. Aktar tard meta kienet għaddejja minn maġenbu qed jiġi allegat li messilha sidirha.

Dak inhar tal-inċident il-mara li isimha ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti kellmet lis-supervisor tagħha u l-affari hawn donna kkalmat, iżda hi baqgħet tewden u marret tkellem awtorità aktar għolja fil kumpanija tagħha, li qalilha biex tmur tagħmel rapport l-Għassa tal-Imsida. Sussegwentement Ciantar ġie arrestat u sospiż mill-impieg tiegħu.

Huwa ġie mixli fil-Qorti li wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr kunsens u li ġab ruħu b’mod li jagħti fastidju lil persuna, jew ġab ruħu b’mod li kien li ssoġġeta lill-allegata vittma għal xi att ta’ intimità fiżika, jew issoġġettaha għal xi atti jew mġiba li jkollhom konnotazzjonijiet sesswali, inklużi kliem bil-fomm u mossi li mhumiex mixtieqa mill-vittma, u kienu jistgħu raġjonevolment jiġu kkunsidrati bħala offensivi, umiljanti, degredanti u, jew intimidatorji lejha.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Marouska Debono għamlet talba għall-pleġġ li ma kellhiex oġġezzjoni mill-Ispettur tal-prosekuzzjoni Eman Hayman u mill-Avukat Danika M. Vella li kienet qed tirrappreżenta l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Kenneth Ciantar ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ 4,000 ewro u garanzija personali ta’ 6,000 ewro u ordnat li ma jersaqx lejn l-isptar Mater Dei u l-lokalità tal-Imsida. Ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.