Futbol Sport

Ninsabu lesti għal sfida Ewropea oħra – Luciano Zauri

(Ritratt: Joseph Galea)

Wara ż-żewġ rebħiet kontra Dinamo Tbilisi fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League, iċ-champions lokali Ħamrun Spartans għada jilqgħu fl-Istadium Nazzjonali liċ-champions tal-Ungerija Ferencvaros f’partita li tibda fis-7:30pm.

“Għada f’Ta’ Qali ser naffrontaw tim b’saħħtu dak ta’ Ferencvaros. Madankollu, it-tim jinsab lest għal sfida oħra Ewropea.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kowċ ta’ Ħamrun Spartans Luciano Zauri f’konferenza tal-aħbarijiet lejliet l-ewwel leg mill-UEFA Europa Conference League bejn Ħamrun Spartans u Ferencvaros.

Il-kowċ Zauri żied jgħid li matul id-disgħin minuta l-iskwadra trid tibqa’ kumpatta u kkonċentrata tattikament biex iġġib riżultat pożittiv kontra ċ-ċampjins Ungeriżi.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-midfielder Kroat Roko Prsa.

Huwa qal li hu flimkien mal-plejers jinsabu magħqudin fi spirtu ta’ mentalità rebbieħa.

Ritratt: Joseph Galea

Gżira jilagħbu kontra Viktoria Plzen fid-Doosan Arena

Minn naħa l-oħra, fid-Doosan Arena fir-Repubblika Ċeka, Gżira United jilagħbu kontra Viktoria Plzen, avversarju wkoll kwotat mhux ħażin, b’isem li sal-istaġun li għadda rajnieh jikkompeti kontra l-abar forzi fil-gruppi tal-UEFA Champions League.

Mhuwiex sigriet li l-iskwarda ta’ Gżira din is-sena tilfet fost l-aqwa elementi li kellha l-istaġun li għadda bħal Jefferson de Assis, Toni Kolega, Mauel Maia u oħrajn, iżda kontra Glentoran u kontra Dudelange it-tim immexxi minn Darren Abdilla wera li bil-qalb u d-determinazzjoni jista’ jkompli javvanza f’din il-kompetizzjoni.