Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali ma laqgħetx talba ta’ Jason Zammit ta’ 40 sena minn Victoria, Għawdex li kien qed itenni li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu meta ġie kundannat sena ħabs mill-Qorti tal-Appell fuq serq ta’ ‘quad-bikes’ bil-valur ta’ aktar minn €2,300-il wieħed. Il-każ imur lura għal Lulju 2008.
Dan wara li huwa ma’ obdiex ordni tal-Qorti, billi naqas li jagħmel l-aħħar 18-il siegħa ta’ xogħol fil-kommunità. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Mirian Hayman ma qablitx mat-teżi ta’ Zammit li kienu miksura d-drittijiet tiegħu minħabba li ma kellux avukat waqt il-proċeduri finali u li m’għamilx l-aħħar 18-il siegħa ta’ xogħol fil-komunità minħabba li kellu problemi mediċi u kien għaddej fuq il-pilloli.
Huwa kien qed jikkontendi li ġie kundannat sena ħabs għax kien waħdu u meta f’seduta minnhom talab lill-Qorti biex jitla’ jixhed u ma tħalliex għaliex kien qiegħed waħdu bla avukat. L-Imħallef Hayman qalet li ma tistax tifhem kif l-imputat kien qed jispjega li l-avukat tiegħu kien imsiefer, waħda indesiderabbli għall-aħħar, u kawża ta’ dan ma sar ebda rikors għal differiment mill-istess avukat minkejja li kien magħruf li ma kienx obda għal aktar minn darba l-ordni tal-Qorti.
Aktar minn hekk lanqas ma ndenja ruħu li fil-mori tad-differiment ta’ bejn l-aħħar seduta, u dik li fiha ngħatat ssentenza, xejn anqas minn erbgħa xhur wara, li jagħmel rikors biex tiġi sospiża l-għoti tas-sentenza.
Lanqas qabel ma ngħatat is-sentenza ma sar sforz minn naħa tiegħu biex il-Qorti tissospendi l-għoti tas-sentenza. U hawn, qalet il-Qorti – Jason Zammit kien assistit. Dwar id-diffikultajiet mediċi tiegħu li suppost żammewh milli jkompli s-siegħat ta’ xogħol fil-komunita’ li kien ordnat jagħmel dan kien argument dgħajjef.
Attentat dgħajjef għax ma nġabet l-ebda tip ta’ prova oħra dwar dan fil-Qorti. Il-fatt li għażel hu li jixhed, il-fatt li m’għamel xejn f’xhur sħaħ biex jirrimedja s-sitwazzjoni tiegħu minn differiment għal ieħor nonstante li kellu l-assistenza ta’ l-avukat tal-għażla tiegħu, ukoll darba li kien jaf sew u ċar għalih x’seta’ kienu l-konsegwenżi tal-ksur.
Il-Qorti qalet għaldaqstant xejn minn din il-kunsiderazzjoni hekk magħmula ma tkisser jew tivvjola ebda dritt. Għaldaqstant il-Qorti ma ssibx li kien hemm leżjoni tal-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u tal-Artikolu 6 (3) tal-Konvenzjoni.
Zammit kien ordnat iħallas €11,000 u jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità bla ħlas, liema xogħol m’għamlux b’mod komplet. L-Ewwel Qorti kienet ordnatlu biex jagħmel dan ix-xogħol flok tibgħatu l-ħabs wara li nstab ħati li approprija ruħu u dawwar bi profitt għalih erba’ quad-bikes li ġew fdati lilu seba’ snin ilu.
Zammit li jmexxi ‘showroom’ tal-karozzi kien ingħata sentenza ta’ ħabs wara li naqas mill-jaderixxi mal-ordni tal-Qorti u jagħmel l-imsemmija sigħat favur il-kommunità. Huwa spiċċa kundannat sena ħabs għax baqa’ ma obdiex ordni tal-Qorti u naqas milli jagħmel il-200 siegħa ta’ xogħol fil-kommunità b’mod totali.
//= $special ?>