Knisja Kultura Lokali

Pellegrinaġġ bil-muturi mill-Imġarr għal Ħad-Dingli fil-festa ta’ Santa Marija

Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr qed jistiednu lis-sewwieqa tal-muturi biex nhar it-Tlieta 15 ta’ Awwissu 2023 jieħdu sehem f’pellegrinaġġ bil-mutur tagħhom mill-Imġarr għal Ħad-Dingli.

L-inizjattiva qed tittieħed għas-sitt darba minn żewġ parroċċi dedikati lil Marija Assunta fil-jum tal-festa solenni tagħha li jkun ukoll jum ta’ btala pubblika.  

Is-sewwieqa tal-muturi huma mistiedna jinġabru fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr fid-9:15a.m.  Il-pellegrinaġġ jitlaq fl-9:45a.m.  Mal-wasla f’Ħad-Dingli, ħdejn il-Knisja Arċipretali jsir it-tberik tal-muturi u s-sewwieqa jingħataw tifkira.  Is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-quddiesa fil-Knisja ta’ Ħad-Dingli li tibda fil-11:00a.m.

Din is-sena, din l-inizjattiva se tkun ta’ sostenn u għajnuna għas-Soup Kitchen tal-Franġiskani fil-Belt.