Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lill-kantant Edwin Galea

L-Erbgħa wara nofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lill-kantant veteran Edwin Galea fil-knisja ta’ San Gwann Tas-Salib f’Ta-Xbiex.

Ċelebrazzjoni komoventi mexxija minn Fr Eric Cachia, illi ddeskriva lill-kantant popolari Malti bħala artist uniku li b’passjoni li ma bħalha poġġa t-talent tiegħu għas-servizz tal-poplu.

Edwin Galea miet nħar il-Ħadd li għadda fl-età ta’ 84 sena.

Hu kien ilu jkanta min midnu kellu 8 snin, u kiseb diversi suċċessi f’numru ta’ konkorsi tal-mużika kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna, fosthom fl-Awstralja, Hong Kong, l-Italja u Sqallija.

Wieħed mill-aktar titli prestiġġjużi intrebaħ minn Galea fl-1970, hekk kif il-kantant Malti kien rebaħ it-Titlu ta’ L-Aqwa Kantant bil-kanzunetta “Fejn  Tidhol L-imhabba”, minn fost 44 pajjiż f’kompetizjoni Internazzjonali li saret għall-ewwel darba fil-Ġappun, quddiem udjenza ta’ aktar minn erbatax il-elf persuna.

Bil-vuċi unika tiegħu, Galea kien qatta’ żmien jallegra lill-forzi militari Ingliżi f’diversi stabbilimenti li fiż-żmien kienu stazzjonati f’pajjiżna.

Dan filwaqt li Galea kien kanta wkoll f’ballu organizzat f’isem il-Prinċipessa Anna tal-Ingilterra, fi żjara uffiċjali li għamlet lura f’Settembru tal-2004.

Fost il-kanzunetti tiegħu, hu jibqa’ magħruf għas-silta popolari ‘Malta Ġdida’.

Edwin Galea kien miżżeweġ lil Vivienne Galea, li wkoll ġejja minn familja ta’ mużiċisti hekk kif hija l-uniku wild tal-Kantant Popolari Oscar Lucas.

Edwin u Vivienne kellhom erbat itfal, Sonia, Adrian, Daniela u Jason, u jibqa’ mfakkar bħala missier, nannu u fuq kollox għall-vuċi mill-isbaħ li kellu u għal-legat  ta’ kanzunetti Maltin li għadhom isawwru l-kultura Maltija.