Futbol Sport

X’għandna nistennew mill-istaġun li ġej tal-Premier League ?

(Ritratt: EPA)

Neil Camenzuli

Wara kampjonat mimli sorpriżi u mumenti memorabbli, Manchester City kienu nkurunati Champions tal-Premier League fl-istaġun li għadda, għat-tielet staġun konsekuttiv. Dan kien segwit minn mument ta’ mistrieħ u riflessjoni fuq l-istaġun għat-timijiet kollha, kif ukoll ingħataw l-opportunità li jsaħħu l-iskwadri tagħhom b’akkwisti ġodda u jittamaw li dejjem itejbu l-prestazzjoni tagħhom fil-kampjonat.

Il-Premier League se jiftaħ il-Ġimgħa li ġej biċ-champions tas-sena l-oħra jaffrontaw lit-tim li ġie promoss miċ-Championship l-istaġun li għadda Burnley u mmexxi mill-eks captain tas-Citizens, Vincent Kompany, fit-Turf Moor Stadium fid-9:00pm.

L-istaġun 2023-24 se jkun il-125 staġun fl-istorja ta’ dan il-kampjonat glorjuż u storiku, kif ukoll it-32 edizzjoni minn meta l-kampjonat beda jissejjaħ Premier League, hekk kif qabel kien magħruf bħala l-Football League First Division.

Min jista’ possibilment jisfida lil Manchester City?

Tim li għal staġun ieħor se jkun qiegħed minn ta’ quddiem fit-tiġrija għall-kampjonat huwa bla ebda dubju t-tim immexxi minn Pep Guardiola, Manchester City. Is-Citizens jirritornaw lura minn kampjonat memorabbli u storiku, bir-rebħ tat-treble kif ukoll b’akkwisti ġodda fis-suq tat-transferimenti. Hemm possibiltà li Manchester City jerġgħu jiksru rekord ieħor li qabel kien għand ir-rivali tagħhom Manchester United, hekk kif ikunu l-ewwel tim li jirbaħ 4 Premier Leagues infila, bir-rekord kurrenti jkun ta’ 3, biż-żewġ timijiet minn Manchester ikunu l-uniċi timijiet li laħqu dan is-suċċess. Jekk dan ikun il-każ, Man.City għal darb’oħra jiksru rekord ieħor minn tar-rivali tagħhom, hekk kif l-istaġun li għadda saru t-tieni tim Ingliż li rebaħ it-treble, rekord li qabel kien milħuq biss ta’ Manchester United.

L-istaġun li għadda b’sorpriża għal ħafna, Arsenal kellhom staġun impressjonanti hekk kif kienu l-unika skwadra li kienu kapaċi jikkompettu mal-eventwalment rebbieħa Manchester City, fejn baqgħu jitfgħu il-pressjoni sa l-aħħar mumenti tal-kampjonat, madankollu żewġ telfiet diżappuntanti kontra Nottingham Forest u Brighton fl-aħħar tlett logħbiet kienu biżżejjed sabiex iċaħdu lil Gunners mill-14-il titlu. Minkejja d-diżappunt tat-telf tal-kampjonat, Arsenal kellhom staġun ħafna aħjar milli kien mistenni minnhom, fejn temmew fl-aħjar pożizzjoni fil-kampjonat fl-aħħar 19-il sena. Bir-rebħa tal-Gunners fil-finali tal-FA Community Shield tagħti spinta fil-moral tal-plejers, it-tim immexxi minn Mikel Arteta bla dubju se jerġa’ jkun fit-tiġrija għall-ewwel post. L-akkwisti kruċjali ta’ Declan Rice, Kai Havertz u Justin Timber kollha se jkunu ta’ għajnuna kbira sabiex il-Gunners ikunu jistgħu jmmorru dik in-naqra iktar mill-istaġun li għadda u jipprovaw jirbħu l-Premier League għall-ewwel darba minn wara t-tmexxija ta’ Arsene Wenger.

Manchester United kien t-tim li sab ix-xibka l-inqas mit-timijiet li temmew mal-ewwel sitta fl-istaġun li għadda, b’58 gowls biss, 10 gowls inqas minn Newcastle United li temmew fir-raba’ post. Minkejja dan, ir-Red Devils temmew fit-tielet post, b’75 punt, kif ukoll rebħu l-ewwel tazza taħt it-tmexxija ta’ Erik Ten Hag, il-League Cup, kontra l-istess Newcastle United bl-iskor ta’ 2-0. Bid-differenza mis-sena l-oħra, Manchester United għarfu n-nuqqas ta’ gowls skorjati mill-attakkanti u investew f’wieħed mill-iktar attakkantii prominenti u prolifiċi fl-Ewropa, hekk kif kisbu l-firma ta’ Rasmus Hojlund mingħand Atalanta għas-somma ta’ €75 miljun, plejer li din is-sena se jkun fundamentali ħafna għar-Red Devils, iktar u iktar bis-suġġerimenti tal-midfielder internazzjonali Ingliż Mason Mount li kisbu mingħand Chelsea. Problema oħra li Manchester United soffrew dawn l-aħħar snin, speċjalment l-istaġun li għadda hija l-iżbalji fid-difiża u tal-goalkeeper. L-akkwist tal-goalkeeper Andre Onana mingħand il-finalisti tal-UEFA Champions League, Inter, se jkun pass fid-direzzjoni lejn soluzzjoni għal din il-problema, hekk kif il-goalkeeper mill- Kamerun huwa meqjus fost l-aħjar goalkeepers fid-dinja b’saqajħ, kif ukoll fl-abiltà tiegħu bejn il-lasti.

Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll lil Liverpool, l-unika skwadra li kienet kapaċi twaqqaf id-dominanza ta’ Manchester City fl-aħħar 6 snin, hekk kif it-tim imexxi minn Jurgen Klopp rebaħ il-kampjonat fl-2020. L-istaġun 2022-23 ma kienx rappreżentazzjoni denja tal-kalibru tat-tim, hekk kif ir-Reds temmew fil-5 post, b’hekk is-sena d-dieħla se jkunu qed jikkompetu fil-UEFA Europa League. Wieħed jista’ jargumenta li minkejja l-akkwisti ta’ żewġ plejers ta’ livell għoli, kif ukoll ta’ eta żgħira ta’ Mac Allister u Szoboszlai, it-telfa tal-captain u l-viċi captain Jordan Henderson u James Milner jaf ikollhom impatt ħażin fuq il-moral tal-iskwadra, madankollu, mingħajr il-pressjoni tal-UEFA Champions League, kif ukoll jekk plejers kruċjali għat-tim bħal Van Dijk u Salah jirnexxielhom iżommu l-forma kif ukoll jevitaw l-injuries, ir-Reds għandhom jirritornaw fejn jistħoqilhom u jkunu fit-tiġrija għall-kampjonat.

Ir-rebbieħa tal-FA Community Shield Arsenal (Ritratt: EPA)

Taqtiegħa għall-postijiet fil-kompetizzjonijiet Ewropej

Il-Premier League huwa meqjus minn ħafna bħala l-aħjar kampjonat domestiku fid-dinja, b’hekk barra mill-kwalità tremenda li wieħed isib fl-erba’ timijiet imsejħa ta’ fuq, hemm numru ta’ skwadri li ukoll ikunu qed jikkontestaw għall-post prestiġjuż mal-ewwel seba’ fil-kampjonat, biex l-istaġun ta’ wara jidħlu f’waħda mill-kompetizzjonijiet Ewropej.

Newcastle United ikkwalifikaw għall-UEFA Champions League s-sena l-oħra għall-ewwel darba mill-2003, bil-Magpies ikunu skwadra totalment differenti wara li ħadu l-kontroll tal-klabb is-sidien mill-Arabja Sawdija lura f’Ottubru tas-sena 2021. It-tim immexxi min Eddie Howe tjieb ħafna f’dawn l-aħħar 18-il xahar pero, bil-partiti f’nofs il-ġimgħa tal-UEFA Champions League, il-Magpies jafu jsibuha iktar diffiċli mis-sena l-oħra biex ikunu mal-ewwel erba’ fil-kampjonat, speċjalment bit-tluq tal-istilla tagħhom Alan Saint Maximin, li ngħaqad ma’ Al-Ahli fl-Arabja Sawdija. Madankollu l-akkwisti impressjonanti ta’ Sandro Tonali minn Milan u Harvey Barnes minn Leicester City huma żidiet siewja ħafna għal Newcastle.

Tottenham Hotspur u Chelsea fuq in-naħa l-oħra, probabli se jkunu iktar viċin tal-postijiet ta’ mal-ewwel erba’ hekk kif mhux se jikkompetu f’kompetizzjonijiet Ewropej, barra minn hekk iż-żewġ timijiet minn Londra ħatru kowċis ġodda, Ange Postecoglou għal Tottenham, filwaqt li Chelsea ħatru l-eks kowċ ta’ Spurs Mauricio Pochettino. Żewġ kowċis li għamlu isem tajjeb ħafna fil-fubol Ewropew. Il-Blues kienu l-iktar tim impenjat fis-suq tat-transferimenti, b’akkwisti kbar jingħaqdu mal-klabb bħal Nkunku, Jackson, Disasi, Ugochukwu u Sanchez, u b’plejers li ma kienux meqjusa fil-pjanijiet ta’ Pochettino jħallu l-klabb bħal Havertz, Mount, Kovacic, Koulibaly, Mendy, Kante fost ħafna oħrajn.

Brighton & Hove Albion u Aston Villa t-tnejn ġejjin minn staġuni tajbin ħafna, biż-żewġ timijiet se jilagħbu fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA. Brighton se jikkompetu għall-ewwel darba fil-UEFA Europa League, filwaqt li Aston Villa se jikkompetu fil-UEFA Conference League. L-involviment ta’ dawn it-timijiet fl-Ewropa jista’ jkun ta’ detriment għalihom fil-kompetittività tagħhom fil-kampjonat, kif ukoll, il-bejgħ ta’ Alexis Mac Allister lil Liverpool mingħand Brighton mhux se tkun ta’ għajnuna għas-Seagulls, speċjalment f’nofs il-grawnd.

Tahseb li Chelsea jirritornaw fil-forma taħt it-tmexxija ġdida ta’ Pochettino?

Żona tar-relegazzjoni

Fin-naħa t’isfel tal-klassifika, se tkun għaddejja battalja oħra, li hawnekk li din hija żona fatali għal min staġun ieħor imur jilgħab fiċ-Championship. Luton Town u Sheffield United huma żewġ timijiet li ġew promossi miċ-Championship l-istaġun li għadda. Sheffield United ġew promossi awtomatikament hekk kif temmew fit-tieni post wara Burnley, filwaqt li Luton Town kellhom jgħaddu mill-playoffs.

Dawn iż-żewġ timijiet huma meqjusa bħala l-iktar batuti, anka fis-saħħa finanzjarja kkumparata mat-timijiet diġa stabiliti fil-kampjonat.  Luton Town kisbu numru ta’ plejers mingħand klabbs f’divizjonijiet inferjuri, kif ukoll xi plejers li ma kienux meqjusa ta’ importanza kbira għal ċertu timijiet fil-Premier League bħal Ryan Giles minn Wolves, filwaqt li Sheffield United kisbu lid-difensur ċentrali Auston Trusty mingħand Arsenal, kif ukoll xi plejers oħra minn timijiet inqas magħrufin fl-Ewropa.

Bournemouth, Everton u Nottingham Forest huma timijiet li s-sena l-oħra kienu fil-Premier League u kollha temmew ma’ l-aħħar ħamsa fil-klassifika. In-nuqqas ta’ transferimenti kif ukoll l-avvanzi ta’ timijiet bħal West Ham u Burnley li huma mistennija jkunu lejn dik iż-żona, ma tgħin xejn is-sitwazzjoni ta’ dawn it-timijiet.

L-istaġun li għadda Everton evitaw ir-relegazzjoni fl-aħħar partita tal-kampjonat (Ritratt: EPA)

L-aqwa plejers fil-kampjonat u l-klassifiki individwali

L-attakkant prolifiku Erling Haaland is-sena l-oħra rebaħ l-unur tal-aqwa skorer fl-ewwel sena tiegħu fil-Premier League ma’ Manchester City.

Din is-sena Haaland bla dubju se jkun wieħed mill-favoriti għal dan l-unur. Il-futur tal-attakkant Ingliż Harry Kane għadu indeċiż, b’offerti kbar minn klabs madwar l-Ewropa, il-plejer jaf ma jkunx parti mill-Premier League tas-sena d-dieħla, madankollu jekk il-plejer jibqa’ ma’ Tottenham u jidħol fis-sistema l-ġdida ta’ Postecoglou, l-Internazzjonali Ingliż jista’ jerġa’ jkun ta’ sfida għall-unur tal-aqwa skorer tal-kampjonat Ingliż għal darb’oħra.

Plejers oħra bħal Salah u Nunez ta’ Liverpool ukoll se jkunu ma ta’ quddiem fit-tiġrija, flimkien ma’ Marcus Rashford kif ukoll l-akkwist il-ġdid ta’ Manchester United Rasmus Hojlund, li se jkun qed jittama li jagħmel impatt immedjat għat-tim tiegħu.

F’termini ta’ assists, ftit huma l-plejers li jistgħu jlaħħqu ma’ Kevin De Bruyne f’dan ir-rigward. Plejers kreattivi bħal Saka, Trossard, Salah, Szoboszlai u Olise kollha huma mistennija jisfidaw lil De Bruyne fit-tiġrija għal dan il-premju.

Nistennew u naraw !!

L-akkwist il-ġdid ta’ Manchester United Ramus Hojlund