Niġerjan ta’ 40 sena residenti Ħaż-Żabbar ġei kkundannat 30 xahar ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li ammetta li gidem raġel f’imnieħru waqt ġlieda fl-istess lokalità. Ehis Imobhio ammetta li wettaq dan ir-reat fit-28 ta’ Diċembru 2021 ħebb għall-vittma, theddid u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
Fuq ammissjoni għall-akkużi kollha miġjubin kontrih il-Qorti qieset li kemm il-vittma kif ukoll l-akkużat sofrew ġrieħi fil-ġlieda bil-vittma tilef biċċa żgħira minn imnieħru u kellu tiċrita f’xufftejh. Fl-istess ħin ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li raġel ieħor li ra l-ġlieda qal fil-Qorti li kien il-vittma li attakka l-ewwel lill-akkużat billi tah daqqtejn ta’ ponn waqt li xhud ieħor qal li l-vittma kien li kaxkar lin-Niġerjan ‘il barra mid-dar.
Il-Maġistrat Montebello kkundannat lil Imobhio 30 xahar ħabs u ħarġet ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin biex tipproteġi lill-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Darren Buhagiar u Gabriel Kitcher.
//= $special ?>