F’Ateni, aktar minn 100 persuna tressqu quddiem prosekutur Grieg b’rabta mal-ġlied li seħħ qabel partita ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League bejn AEK Athens u Dinamo Zagreb.
Grieg ta’ 29 sena qala’ daqqa ta’ sikkina u miet l-isptar wara li l-partitarji ta’ AEK Athens u tat-tim Kroat ta’ Dinamo Zagreb iġġieldu qrib stadium ta’ Nea Filadelfeia.
Il-Pulizija arrestat 104 persuna, fosthom 94 Kroat, sitt Griegi, Albaniż, Awstrijak, Bosnijak u Ġermaniż. Konstantina Dimoglidou, kelliema għal Qorti ta’ Ateni kkonfermat li dawn kellhom jidhru quddiem il-prosekutur. Żiedet tgħid li ħafna mill-arrestati kellhom inqas minn 30 sena u kienu jinkludu ħamest irġiel li nżammu t-Tlieta fil-port ta’ Igoumenitsa waqt li ppruvaw jaħarbu lejn l-Italja.
Il-Ministeru għall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Greċja qal li l-partitarji tefgħu bombi li jistordu, ġebel, apparati inċendjarji u oġġetti oħra qrib l-istadium fil-periferija tal-kapitali Griega. Tmien persuni weġġgħu apparti dak li inqatel.
Fid-dawl tal-inċidenti l-UEFA pposponiet il-partita bejn AEK Athens u Dinamo Zagreb fejn huwa ssuġġerit li tintlagħab fit-18 jew 19 ta’ Awwissu.
//= $special ?>