Lokali

“Ħajja aħjar f’pajjiżna” – Bernard Grech

Liż-żgħażagħ tagħna rridu nagħtuhom futur aħjar – lill-familji irridu nofrulhom ħajja aħjar f’pajjiżna.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta dalgħodu kien intervistat fuq Net FM, fejn tkellem dwar il-bżonn li pajjiżna jinfatam minn klikka żgħira ta’ nies li tinsab granfata mal-poter. Għaliex il-poplu, fi kliem Bernard Grech, għandu bżonn par idejn sodi.

Matul din l-intervista, Bernard Grech fisser il-ħsieb wara dan l-islogan li intgħażel għall-festi tal-Indipendeza ta’ din is-sena: “Ħajja aħjar f’pajjiżna” – ħajja aħjar għas-self employed, għaż-żgħażagħ, għall-anzjani u għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-bżonn li pajjiżna jbiddel il-mudell ekonomiku, sabiex jiġiebu pilastri ekonomiċi ġodda; kif diġa’ sar minn gvernijiet Nazzjonalisti tal-passat. Hawn, hu semma’ il-farmaċewtika, l-avjazzjoni u s-settur tal-gaming fost l-oħrajn – kollha pilastri ekonomiċi li ħoloq il-PN tul is-snin.

Il-PN ilu xhur sħaħ jinsisti fuq il-ħtieġa li jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda; dawn jinkludu il-Metaverse, is-servizzi ta’ compliance u due diligence, il-printing 3D, il-manifattura speċjalizzata, l-eSports, l-Inteliġenza Artifiċjali, il-produzzjoni tal-video games, is-settur sportiv, it-tisħiħ tas-settur tal-enerġija u l-intrapriżi soċjali.

Il-Kap tal-PN qal li pajjiżna jeħtieġ pjan ċar, u ma jistax ikun li nibqgħu nibbażaw biss fuq il-kwantità.

Tkellem anke dwar l-anzjani, fejn insista li Gvern ġdid Nazzjonalista ineħħi l-anomalija li teżisti fil-pensjonijiet.

Intant, matul din l-intervista Bernard Grech semma’ wkoll il-ħtieġa li tingħata attenzjoni kbira lill-persuni li jeħtieġu għajnuna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ trattament tal-kimoterapija. Bil-Kap tal-PN – filwaqt li sellem lill-Community Chest Fund – stqarr li l-Gvern irid jagħmel ferm aktar.

Bernard Grech qal li bħala pajjiż hemm bżonn ninvestu f’aktar makkinarju tal-kimoterapija u investiment fir-riżorsi umani.

Fi tmiem l-intervista Bernard Grech sellem ukoll il-memorja tal-President Emeritu Guido de Marco li miet 13-il sena ilu.