Lokali

Il-familja Rizzo Naudi se tingħata kopja tal-Inkjesta Maġisterjali – wara li rrapportaw il-media

Il-familja tat-Tabib Mario Rizzo Naudi se tingħata aċċess għal kopja tal-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-mewt tiegħu – jiem wara li Net News irrapporta li l-mara tiegħu, Doriette Rizzo Naudi kienet imnikkta għaliex wara dawn ix-xhur kollha kienet għadha ma tafx x’wassal għal mewt tiegħu; mewt illi seħħet waqt li kien qiegħed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei fl-1 ta’ April, fl-età ta’ 70 sena.

Doriette Rizzo Naudi, flimkien mal-qraba u ħbieb ta’ Mario Rizzo Naudi għad għandhom diversi domandi dwar x’wassal għal mewt tiegħu – kif ġarrab il-ġrieħi li kellu f’rasu, għal liema raġuni ntbgħat id-dar u kif – wara sagħtejn li selmulu….jirċievu l-aħbar li kellhom imorru lura l-isptar b’urġenza.

Fil-jiem li għaddew hija esprimiet l-appell tagħha biex ikollha l-aċċess għad-dokument kollu għaliex …sa ftit qabel ma appellat fuq il-midja lokali, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg kienet qiegħda tinjoraha.

Madanakollu, għaliex kelmet lill-gazzetti, issa jidher li l-Avukat Ġenerali tatha widen.

S’issa, għadu mhux magħruf jekk il-qraba hux se jkunu qed jingħataw kopja sħiħa jew le.

Allegatament Mario Rizzo Naudi tilef ħajtu wara li waqa minn sodda, waqt li kien qiegħed jingħata kura fl-Isptar Mater Dei wara waqgħa minn fuq sellum… u allegatament għal xi raġuni min kien responsabbli dam biex induna bih.

Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu baqgħet sejra lura sakemm qalbu ma felħitx aktar.

Il-qraba qed jibqgħu jinsistu li huma jeħtieġu r-risposti sabiex issir ġustizzja vera ma’ Mario Rizzo Naudi.