
“Ħajja Aħjar f’Pajjiżna”. Din hija t-tema magħżula għall-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena – festi organizzati mill-Partit Nazzjonalista u li jibdew nhar it-Tnejn 18 ta’ Settembru.
Il-festi jilħqu l-qofol tagħhom bil-mass meeting tal-Indipendenza nhar l-20 ta’ Settembru fil-Belt Valletta.
F’messaġġ fuq il-media soċjali, il-Kap tal-PN Bernard Grech insista illi l-poplu Malti jixraqlu ħajja aħjar f’pajjiżna.
Ħajja aħjar ma tinbeniex bil-kliem fieragħ imma hi riżultat ta’ politika ċara, li ssir bi ħsieb, bi pjan u b’direzzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jrid li inti tista twettaq futur denju f’pajjiżna stess fejn ikun jista’ jkollok ħajja aħjar b’serħan tal-moħħ dwar il-preżent u l-ġejjieni tiegħek u ta’ dawk għeżież għalik.
“Int m’għandekx tgħix ħajtek bi qtigħ il-qalb għaliex il-gvern jieħu deċiżjonijiet ħżiena. Il-Partit Nazzjonalista jistinka u jkun garanzija ta’ ħajja aħjar għalik f’pajjiżna stess.”
“Flimkien niċċelebraw l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Flimkien nibqgħu naħdmu għal ħajja aħjar f’pajjiżna.”
