Lokali

Isabelle Bonnici tikkritika lill-media Laburista wara li ċċensuraw parti kbira mix-xhieda tagħha

Għal kull ċittadin Malti u Għawdxi, is-seduta li tmexxiet mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon fid-9 ta’ dalgħodu tissejjaħ Inkjesta Pubblika. Dan ħadd ma jista’ jmerih… ħlief il-midja tal-Labour, hekk kif one.com.mt qed jibqa’ jinsisti li jsejħilha Inkjesta Amministrattiva.

Kien propju l-Prim Ministru nnifsu, Robert Abela meta f’konferenza tal-aħbarijiet għażel li jsejjaħ l-Inkjesta Pubblika bħala Inkjesta Amministrattiva. Bil-ġurnalisti tal-one.com.mt jidher li ngħataw il-gwida li jsegwu dan.

Meta wieħed jara l-kummenti tan-nies taħt l-artiklu ta’ ONE News, kienu diversi persuni li kkoreġew it-titlu li jgħid Inkjesta Amministrattiva u minflok qalu li hemm bżonn jieqfu jqarqu u jdawru l-kliem kif jaqbel lilhom.

Lanqas l-Imħallef Zammit McKeon, fl-ebda mument ma sejħilha Inkjesta Amministrattiva tul is-sagħtejn li damet is-seduta f’awla 22.

Għażlet ukoll li tikkummenta omm Jean Paul Sofia nnifisha, Isabelle Bonnici fejn fakkrithom li kienu l-ġurnalisti ta’ ONE News stess li damu 7 xhur sħaħ imeruha li Inkjesta Pubblika hi identika għal Inkjesta Maġisterjali. Għalkemm issa ngħatat ir-raġun wara li Robert Abela għamel u-turn.

Isabelle Bonnici staqsiet għalfejn l-artiklu rraporta biss l-ewwel biċċa tax-xhieda tagħha.

Dan hu l-kumment sħiħ ta’ Isabelle Bonnici:

“Din hi Inkjesta Pubblika li domtu 7 xhur tmeruni li tinvestiga l-istess bhal dik Magisterjali! Missni emmintkom! Ghaliex irrapurtajtu l-ewwel bicca biss tax-xhieda tieghi? Ghalfejn ma tkunu QATT cari u tirappurtaw il-verita` kollha f’dan il-kaz? Ghalfejn iccahhdu l-istampa kollha lil qarrejja taghkom? Gjalfejn tippruvaw tidhqu bil-poplu? Jekk tridu naghtikom ix-xhiedja KOLLHA tieghi ha tinfurmaw sewwa mhux li jaqbel lilkom biss! Lili HADD u xejn ma jaghlaqli halqi ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern u fejn mhux veru jew sewwa se nitkellem u LE mhux ghal flus kif hemm min qal. Kieku ghal flus qieghda b’halqi maghluq! Tghid mhux se naghmel xi haga ghal flus ghas-skapitu ta’ ibni! Miskin min jahseb hekk, nithassarkom li ma kellkomx l-imhabba ta’ omm vera! Nirringrazzja ‘l Alla li l-maggoranza assoluta tal-poplu jissaportjaw u fehmu l-ghan genwin tal-mixja tieghi.”