Lokali Qorti

Jispiċċa l-Qorti wara li mar jaqbeż għal sieħbu waqt ġlieda

Żagħażugħ li jaħdem fil-customer care minn Ħal Tarxien ta’ 24 sena li ndaħal biex jgħin ħabib li kien qed jiġi aggredit minn ġar ingħata l-liberta’ proviżorja wara li hu stess kien akkużat b’aggressjoni. L-inċident seħħ nhar it-Tnejn meta faqqgħet ġlieda verbali bejn il-ġar u l-ħabib tal-akkużat.

Il-ħabib tal-akkużat kien ntlaqat b’pala. Ramirez Vella, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih indaħal, billi ta daqqa ta’ ponn lil persuna li allegatament kienet qed tagredixxi lil sieħbu. L-avukat tiegħu, Jacob Magri, spjega li “forsi kien xi ftit bully jew prużuntus, iżda ried biss jgħin lil ħabib tiegħu li ma kellux lil ħaddieħor min imur u sejjaħ lill-akkużat għall-assistenza.”

L-Ispettur Paul Camilleri qal li l-ħabib tiegħu seta’ jagħmel rapport mal-pulizija mingħajr ma jkaxkar lill-akkużat u jdaħħlu fl-inkwiet. Fi-Qorti ħareġ li Vella kellu diversi problemi mal-liġi fil-passat. Iżda issa l-uniku każ pendenti tiegħu jinsab quddiem il-Qorti tad-Droga fl-istadju tal-appell u l-akkużat għamel progress kbir, spjega l-Avukat Magri.

Vella wieġeb mhux ħati li aggredixxa lill-ġar, li kkaġuna ġrieħi gravi, li ġarr arma mingħajr il-liċenzja tal-pulizija kif ukoll li kiser il-libertà proviżorja. Filmati mix-xena tal-ġlieda turi skambju verbali u x-xejriet b’pen knife iżda mhux id-daqqiet, qal il-prosekutur.

Madankollu l-armi, wara inwrew lill-pulizija mill-imputat innifsu meta fittxew id-dar ta’ ommu, intużaw biss biex jintimidaw. Il-ġrieħi kienu allegatament ikkawżati minn daqqa ta’ ponn. Wara li sema’ s-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Joseph Gatt ta ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €1,000, garanzija personali ta’ €2,000, iffirmar ta’ kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid, curfew u projbizzjoni li mur il-Fgura fejn seħħ l-inċident.

Vella kien imwissi biex bl-ebda mod ma javviċina lill-allegat vittma u biex ibegħdu minn aktar inkwiet. “Din hija t-tieni darba li qed nagħti l-pleġġ, ara ma tkunx ta’ diżappunt għalija. Għad għandek 24 sena, u għandek tliet faċċati, ħu ħsieb.” Omm l-akkużat li dehret ferm kommossa fil-Qorti tagħat id-depożitu f’isem binha. L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri deheru għall-akkużat.