Sport Waterpolo

Kampjonat tal-Ewropa U/17: It-tieni rebħa konsekuttiva għal Malta

F’Manisa fit-Turkija, it-tielet ġurnata ta’ kompetizzjoni tal-fażi finali tal-Kampjonat tal-Ewropa tal-waterpolo għat-timijiet ta’ taħt is-17 il-sena bit-tim nazzjonali Malti jikseb it-tieni rebħa konsekuttiva.

Fi Grupp D, wara li Malta tilfet 7-9 kontra Ġermanja u rebħet 16-7 kontra Ġeorġia, fit-tielet partita Malta kisbet it-tieni rebħa meta għelbet lill-Ukrajna 12-8.

Bit-tim Malti fuq l-offensiva, vantaġġ doppju fi tmiem l-ewwel sessjoni permezz ta’ Jayden Cutajar minn penalty u Elijah Schembri. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni reazzjoni mill-Ukrajna li għamlet l-iskor 2 -2 . Luigi Dimech minn penalty u gowl minn Jayden Cutajar poġġew lil Malta 4-2 minn fuq bis-sessjoni tintemm 4-3 b’gowl ta’ Yuri Chyzhuk għall-Ukrajna.

Fit-tielet sessjoni Jayden Cutajar, wara li falla penalty, għamel l-iskor 5-3 filwaqt li Luigi Dimech minn penalty jagħmlihom 6-3 qabel ma’ Levin naqqas l-iskor għall-Ukrajna 6-4 . Fl-istess sessjoni minn ħarba kien Sam Engerer li għamel l-iskor 7-4 u mmedjatament wara b’lob Jayden Cassar kabbar il-vantaġġ għal 8-4 li ftit wara minn penalty għamel l-iskor 9-4 biex Malta marret għall-aħħar sessjoni b’vantaġġ ta’ ħames gowls.

Fl-aħħar sessjoni Zak Cutajar Licari għamel l-iskor 10-5 sabiex minkejja li l-Ukrajna naqqsu l-iżvantaġġ għal aktar minn darba, gowls ta’ Luigi Dimech u Jayden Cutajar għalqu l-partita għal skor finali ta’ 12-8 għal Malta, fejn l-avventura fil-kompetizzjoni tkompli.