Internazzjonali

L-Iran: Ikompli jisfida lill-Punent…bil-kliem u l-eżerċizzji militari

Il-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran – l-entità elit tar-reġim fundamentalista  f’Tehran – qed ikollha sajf mill-aktar attiv fost sensiela ta’ eżerċizzji militari intiżi biex isaħħu l-kapaċità għall-ħarsien ta’ territorji flimkien mal-miżuri ta’ deterrent fil-konfront ta’ attakk potenzjali.

L-Iran kien u se jibqa’ l-għadu qalil tal-Istati Uniti u mhux jitlef okkażjoni waħda biex iwassal il-messaġġ li jinsab lest għal kwalunkwe aggressjoni anki waqt li qed jippersisti bl-impenn biex, fil-futur, jistabbilixxi ruħu bħala potenza nukleari….Xenarju li l-Istati Uniti, il-Punent u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) jridu jevitaw akkost ta’ kollox.

Fl-aħħar eżerċizzju, il-membri tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran issieħbu fil-manuvri militari fil-gżira ta’ Abu Musa, fil-Golf Persjan, u l-madwar.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Gwardja, il-Ġeneral Hossein Salami għamilha ċara li ‘kwalunkwe theddida kontra l-Istat ( Iranjan) fundamentalista għandha tqanqal reazzjoni qawwija, pronta u determinata mingħand il-qawwiet militari Iranjani’.

L-aħħar eżerċizzji fil-Golf Persjan saru anki b’sorpriża u dehru bħala ‘sfida partikulari’ mill-Iran wara li l-militar tal-Istati Uniti żied il-preżenza tiegħu fir-reġjun. L-azzjoni mill-Amerikani seħħet b’reazzjoni għall-politika ta’ Tehran li tesiġi għall-ħtif tal-bastimenti tal-pajjiżi barranin li jużaw ir-rotot viċin tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, il-Ġeneral Salami tenna li l-Iran, minkejja li qed jaħdem għas-sigurtà, se jkompli bil-viġilanza u lest biex jagħti l-aktar tweġiba ħarxa lil kulmin jipperikola l-interessi tiegħu ‘fost it-tkomplija ta’ politika ostili fil-konfront tal-Gvern Iżlamiku f’Tehran.’