Lokali Qorti

“Ma, inħobbok” kienu l-aħħar kliem tiegħu” – Omm Jean Paul Sofia

Kienet ġurnata mudlama għall-familja. Li jkollok iben b’saħħtu li jispiċċa midfun taħt bini li jaqa’ qiesu mazz karti huwa telfa kbir. Kien mar għax-xogħol – “Ma inħobbok” kienu l-aħħar kliem tiegħu. “Min kien jaħseb li kellha tkun l-aħħar darba li smajt leħnu,” qalet Isabelle Bonnici l-omm imnikkta dwar it-telf ta’ binha Jean Paul Sofia.

“Mhux se nara lill-ibni jiżżewweġ u jkollu t-tfal iżda tal-anqas irrid nara li ma jkunx miet għalxejn” – qalet omm Isabelle Bonici. Biex ikompli jżid mad-dulur qalet: “Imbagħad ħabib tiegħu ċempilli biex jgħid li ibni kien mar fil-bini ta’ Kordin. Ma kellhiex idea li kien se jkun hemm. Matthew Schembri, (wieħed mill-akkużati) kien ċempel biex jgħid li jista’ jkun għadu fil-binja mġarrafa.

Mill-camera ħareġ li hu kien daħal fil-binja. Meta kont fuq il-post waqt it-tfittxija għal ibni, xi ħadd. qalli tinkwetax. Ħareġ minn hawn u rringrazzjat lil Alla għax ħsibt, totalment meħlus.” Dan ħareġ waqt li kienet qed tixhed fil-bidu tas-smigħ tal-inkjesta pubblika fejn emozzjonata għall-aħħar, Isabelle Bonnici bdiet taqra stqarrija li fiha qalet li dakinhar tat-tiġrif l-iżviluppatur Matthew Schembri kien bagħat lil binha biex jieħu xi għodod.

Meta semgħet bit-tiġrif, minn ħabib ta’ binha, għall-ewwel qalulha li Jean Paul kien għadu ħaj u marret l-isptar dritt lejn id-Dipartiment tal-Emerġenza imma qalulha li ma kienx hemm. “Ħajti nqalbet ta’ taħt fuq”, qalet Bonnici waqt li rrakkuntat kif meta fuq il-post tat-traġedja qalulha li binha kien taħt it-terrapien ma felħitx tibqa’ hemm.

L-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia fit-3 ta’ Diċembru li għadda qed tinstema’ f’awla numru 22 tal-Qorti u li hija presedta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Ombudsman, u li qed imexxi din l-inkjesta flimkien mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-espert tekniku l-Perit Mario Cassar.

Omm Jean Paul Sofia qalet li meta fuq il-post tat-traġedja qalulha li binha kien taħt it-terrapien ma felħitx tibqa’ hemm u ma kull ħoss li bdiet tisma’ kien qiesu stallet ġo qalbha. Bdejt ngħid “tgħid qed jgħajjatli ma? Tgħid muġugħ? Tgħid qed iħoss il-bard? Forsi jsir miraklu u ibni jibqa’ ħaj!” Qalet li bdiet taħseb fuq ħafna eventawalitajiet.

Saħqet li r-regħba għall-flus u n-nuqqas ta’ regoli fl-industrija tal-kostruzzjoni wassal għall-mewt ta’ binha. Qalet ukoll li wara li għaddiet minn martirju wara l-mewt ta’ binha, ddeċidiet li tagħmel xi ħaġa u li trid tkun tama għall-ħaddiema f’dan is-settur u li d-dmugħ li bkiet isir xmara ta’ tama.

Qalet li qed tistenna ġustizzja biex l-industrija ssir iktar sigura u jonqsu l-imwiet fis-siti ta’ kostruzzjoni. Fl-aħħar erba’ snin biss mietu 29 persuna u fl-erba’ snin ta’ qabel mietu 10. Hija qalet lill-Bord li meta marret lura ħdejn is-sit, sħab Jean Paul Sofia, li kienu waslu fil-post, ikkonfermawlha li Jean Paul kien għadu taħt it-terrapin.

It-tama tal-omm tul is-sigħat ta’ stennija qatt ma mietet, hija qalet filwaqt li tiddiskrivi lil binha bħala tifel li trabba b’ħafna għożża. Mistoqsija li baqgħet tagħmel u baqgħet bla tweġiba hi kif binja possibilment tista’ taqa’ b’dak il-mod. Tgħid li kieku l-affarijiet kienu differenti, Jean Paul għadu ħaj.

Qalet li kieku hemm nuqqas ta’ rejgħba fis-settur, kieku l-ebda persuna oħra ma tilfet ħajjitha. Tagħmel referenza għall-mewt ta’ Miriam Pace, liema mewt jidher li seħħ bla ebda tibdil hekk kif ħadd ma tgħallem xejn minn dan.

Qalet li tixtieq li kieku l-affarijiet jinbidlu, il-ħaddiema fis-settur ikunu siguri u l-ebda familja ma tgħaddi minn dak li l-omm għaddiet minnu. Trid tara infurzar fuq il-liġijiet li diġa’ hemm. Hi għamlet mistoqsija wara l-oħra dwar in-nuqqas ta’ azzjonijiet u sigurtà li l-awtoritajiet qed jieħdu fir-rigward tal-kostruzzjoni.

Filwaqt li qalet li għandha fiduċja sħiħa fil-Bord imwaqqaf talbet lill-Qort biex ma tinvestigax biss l-affarijiet sempliċi iżda jidħlu fid-dettal sabiex tkun magħrufa l-verità kollha. Qalet li permezz ta’ din l-Inkjesta Pubblika, ma tridx li binha jkun miet għalxejn.

Hija żiedet tgħid li qed tistenna ġustizzja biex l-industrija ssir iktar sigura u jonqsu l-imwiet fis-siti ta’ kostruzzjoni. Omm Sofia qalet li għandha ħafna mistoqsijiet fosthom jekk il-Malta Enterprise kinitx involuta fil-proċess ta’ applikazzjoni, jekk sarx ‘due diligence’ fuq l-iżviluppaturi, kemm il-ħaddiema kienu mħarrġa sew, kienx hemm konnessjonijiet politiċi u min iċċekkja jekk l-uffiċjali tas-saħħa u sigurtà marrux fuq il-post.

Ftit qabel ma bdiet tixhed Isabelle Bonnici qam kaos fl-awla wara li persuna oħra, bl-isem ta’ Publius Said talab biex jixhed, minkejja li ma kienx imsejjah biex jixhed. Said qal li hu kellu xi informazzjoni x’jgħaddi lill-Qorti dwar dan il-każ.

L-Imħallef qallu biex jagħmel talba għax-xhieda permezz ta’ email u mhux hu jiddeċeidi meta jixhed iżda meta jgħajjatlu l-Bord. Said jinħareġ barra mill-awla, filwaqt li l-Imħallef Joseph Zammit McKeon qal li kull min għandu xi nformazzjoni li jrid jgħaddiha lill-Bord, għaliex din hija inkjesta pubblika. Ovvja li dan jew din irid ikollhom informazzjoni siewja dwar il-każ.

Wara xehdu l-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi u Clyde Caruana li mistennija jerġgħu jixhdu minħabba li ma setgħux jagħtu l-informazzjoni kollha mitluba mill-Bord fejn qalu li jridu jagħmlu xi verifiki. Zrinzo Azzopardi qal li fl-aħħar sena u tliet xhur li ilu responsabbli kien hemm tibdil f’diversi avvvizi legali fl-Awtorità tal-Ippjanar.

Huwa kien mistoqsi elenku ta’ domandi lkoll relatati ma’ kemm kienu b’saħħithom jew kemm qed jissaħħu jew le l-entitajiet responsabbli mill-qasam tal-kostruzzjoni. Il-Ministru qal illi fost dawn il-bidliet hemm reviżjoni dwar l-irwol ta’ Project Supervisor waqt li l-Awtorità saħħet il-proġetti ta’ outreach speċjalment għal għajnuna fejn jidħlu ħaddiema barranin.

Huwa qal li avviż legali ieħor ifisser li ‘site regulations’ ta’ siti ta’ kostruzzjoni qed jaqgħu fuq l-Awtorità ta’ Bini u Kostruzzjoni (BCA). Meta mistoqsi dwar baġit qal li l-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà titlob il-baġit li għandha bżonn imbagħad ikun determinat minn hemmhekk kemm tingħata. Huwa qal li ċ-Chairman tal-OHSA u anke l-membri baqgħu l-istess.

Għall-mistoqsijiet tal-Bord huwa qal li ħarġet White Paper ukoll dwar l-OHSA u dak li jirregolaha waqt li żied li l-Gvern qed jipproponi li l-Awtorità jkollha aktar għodda biex topera u qal ukoll li bħalissa qed issir diskussjoni dwar it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet ta’ min jaħdem fl-OHSA, inkluż dawk li huma impjegati biex jinforzaw ir-regoli.

L-espert tekniku l-Perit Mario Cassar qa lill-Ministru li filwaqt li ħafna avviżi legali jagħmlu sens u huma tajbin, huwa xettiku kemm dawn qegħdin verament jiġu mplimentati. Dwar kemm hemm ħaddiema mal-Awtorità ta’ Bini u Kostruzzjoni (BCA), l-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li dawn żdiedu bid-doppju, u issa telgħu għal 20 u li jridu jlaħħqu ma’ Malta u Għawdex kollu.

It-tielet u l-aħħar xhud kien il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li spjega kif ikunu approvati l-fondi. Dwar allokazzjoni ta’ aktar nies fil-BCA u l-PA għall-infurzar huwa qal li jekk entità titlob €1 miljun imma l-Gven jagħti €800,000 hija f’idejn l-entità kif se tqassam il-flus.

Minkejja dan qal li l-Awtorità tal-Ippjanar hija indipendenti finanzjarjament waqt li qal ukoll li l-BCA rat ammont sostanzjali fil-fondi, bħala riflessjoni ta’ żieda fix-xogħol. Il-Bord kif għamel fil-konfront tal-Ministru Zrinzo Azzopardi, talab lill-Ministru Caruana biex fil-futur jintalab jagħti aktar informazzjoni dwar it-talbiet li saru mill-Awtoritajiet u l-Ministru konċernat fuq iż-żieda ta’ riżorsi għall-entajiet importanti bħal OHSA u l-BCA.

Fil-bidu tal-kawża l-Bord qal li l-Avukat tal-Istat talab biex ikun preżenti u parti minn din l-inkjesta pubblika, talba li ma sabitx oġġezzjoni mill-Avukati ta’ Isabelle Bonnici u missier Jean Paul Sofia, John. Qabel ma ta bidu għall-inkjesta pubblika l-Imħallef Joseph Zammit Mckeon qara is-seba’ aspetti li se tinvestiga l-Inkjesta – li huma:

  1. Jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti, jew xort’ oħra;
  2. Jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja i l-konsegwenzi tagħha;
  3. Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-iStat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
  4. Jiġi investigat jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi.
  5. Jiġi investigat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonijiet xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
  6. Jiġi investigat jekk kienx hemm xi enitat tal-iStat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kotruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet mistennija tieħu sabiex tevita risku ta’ korriment u/jew mewt.
  7. Jitressqu dawk ir-rakomandazzjonijiet kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.

Sadaniitant għall-ġenituri taż-żagħżugħ, John Sofia u Isabelle Bonici qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia, Eve Borg Costanzi u Matthew Cutajar. Preżenti wkoll l-Avukat tal-Istat Chris Soler u Anthony Borg.

L-Imħallef qal li s-seduti li jmiss se jsiru fis-17 u t-18 ta’ Awwissu u se jkun hemm oħra fil-25 ta’ Awwissu u wara hemm tliet seduti oħra għal Settembru. Dawn se jkunu qed jiffukaw dwar is-sigurtà u s-saħħa . F’dawn is-sessjonijiet mistennija li jixhdu l-Perit tal-OHSA David Xuereb u s-CEO Mario Gauci. L-Imħallef se jkun qed jitlob dokumenti neċessarji mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija u r-Reġistratur tal-Qorti.

Sadanittant l-Erbgħa 10 ta’ Awwissu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bdiet il-kumpilazzjoni dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia fejn ħames persuni qegħdin jiġu mixlija bil-qtil involontarju ta’ Sofia. Dawn huma l-iżviluppaturi Matthew Schembri u Kurt Buhagiar, l-Perit Adriana Zammit, and l-kuntrattur Milomir Jovicevic u martu Dijana.