Lokali

“M’hemm l-ebda diċenza u empatija lejn iċ-ċittadini”

“Iċ-ċittadini m’humiex merħla jew bhejjem li tistgħu tgħadduhom biż-żmien kemm tridu inthom”.

Dan sostnieh l-eks membru Parlamentari Laburista u eks Imħallef Philip Sciberras, illi permezz ta’ post fuq Facebook esprima r-rabja tiegħu lejn l-awtoritajiet responsabbli mill-manutenzjoni u l-proġetti tat-toroq – tant li sejħilhom inkompetenti.

Hu semma kif dawk responsabbli għat-toroq ilhom xhur sħaħ jagħmlu x-xogħolijiet fuq Triq ix-Xatt ta’ Tax-Xbiex fl-Imsida. U malli jlestu x-xogħolijiet, ftit wara jerġgħu jagħlqu t-triq.

Philip Sciberras – attivist ferventi tal-Partit Laburista – semma kif m’hemm l-ebda diċenza u empatija lejn il-Misidjani li jagħmlu użu minn din it-triq kuljum, u li jsibuha diffiċli sabiex jaslu minn tarf sa tarf tat-triq.

Hu temm il-kitba tiegħu billi kkwota lil Monsinjur Saydon fejn stqarr li hemm bżonn mmorru lura biex nkunu aħjar.

Ix-xogħolijiet fl-Imsida kienu parti min proġett ta’ tisbiħ li tnieda f’Ottubru tal-2021. U minn dak iż-żmien, qatt ma kien hemm ħjiel meta ser jitlesta dan il-proġett.

Dawn ix-xogħolijiet affettwaw lid-diversi negozji li hemm fit-triq, tant li numru ta’ sidien ilmentaw dwar kif naqas il-bejgħ minħabba li hemm nuqqas ta’ spazju għall-parkeġġ. Dan filwaqt illi diversi residenti ilmentaw dwar it-traffiku li kontinwament qed jinġema’ f’din it-triq.