Lokali

Minflok Investigazzjoni Robert Abela u Aaron Farrugia jagħtu premjazzjoni

It-Tender maħmuġ tar-Rhibs kien tard u allura wieħed abbużiv u illegali; dan intqal fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista maħruga mid-Deputati Nazzjonalista Adrian Delia, u Ivan Castillo.

F’konferma oħra tal-politika “tal-qalba” li taqdi biss lill-ħbieb ta’ Robert Abela, ħarget sejħa għall-pożizzjoni  ta’ Chief Officer Land Enforcement fi ħdan Transport Malta meta diġà ntagħżel persuna. Il-mod kif saret l-għażla huwa mod abbużiv għall-aħħar, dan filwaqt li l-istess persuna hija qrib ħafna ta’ Robert Abela.

Il-persuna magħżula għal dan l-irwol huwa persuna li kien direttament involut biex inxtraw bastimenti ġodda tal-infurzar li swew aktar minn €900,000 u li kienu ċċertifikati li ma jistgħux ibaħħru. Illum nafu wkoll li dawn il-bastimenti  tal-infurzar, tħallew taħt tinda wara li ntbagħtu lura mit-tiswijiet li b’kollox allura swew €1,200,000. Dawn għadhom sal-lum ma jistgħux jintużaw.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li min kien involut f’tender maħmuġ bi tberbiq minn flus il-poplu f’ammont ta’ aktar minn €1,200,000 jiġi investigat u mhux premjat.

Il-Ministru Aaron Farrugia għandu jwieġeb għat-taħwid bla rażan fi ħdan Transport Malta. Dan filwaqt li d-Dipartiment tal-Kuntratti għandu jibda l-investigazzjoni minnufih.