11:05 – Is-seduta tiġi fi tmiemha.
11:00 – L-Imħallef jgħid li s-seduti li jmiss se jsiru fis-17 u t-18 ta’ Awwissu. Dawn se jkunu qed jiffukaw dwar is-sigurtà u s-saħħa . F’dawn is-sessjonijiet mistennija li jixhdu l-Perit tal-OHSA David Xuereb u Mario Gauci. L-Imħallef se jkun qed jitlob dokumenti neċessarji mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija u r-Reġistratur tal-Qorti.
10:58 – Il-Ministru Caruana joħroġ mill-awla.
10:57 – Il-Ministru Caruana jintalab jippreżenta numru ta’ dokumenti fix-xhieda li jmiss tiegħu.
10:45 – L-Imħallef jistaqsi lill-Ministru Caruana jekk qatt kienx hemm talba li l-Awtorità tal-Ippjanar, il-BCA u l-OHSA jkollhom żieda fil-ħaddiema. Il-Ministru jgħid li hu responsabbli mill-finanzi u b’hekk hi r-responsabbiltà ta’ min hu responsabbli biex jgħażel kif iqassam ir-riżorsi mgħotija u wkoll il-ħtieġa li jimpjegaw iktar persuni. Il-Ministru jgħid li hu jkun jaf meta jkun hemm ħtieġa ta’ żieda fl-impjegati iżda ma jidħolx fiha biex jiddeċiedi dwar il-proċess ta’ dan.
10:40 – Il-Ministru Caruana jispjega l-proċess sakemm il-Parlament jasal għall-budget u jispjega wkoll kif tittieħed deċiżjoni tal-ammont ta’ riżorsi li se jingħataw għal kull ministeru.
10:38 – L-Imħallef jibda jsaqsi dwar is-settur tal-Finanzi fejn jitlob lill-Ministru Caruana biex jispjega kif iqassam il-finanzi f’kull budget.
10:37 – Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana jieħu postu biex jibdu jixhed. Jieħu l-ġurament li jgħid il-verità kollha waqt ix-xhieda tiegħu.
10:36 – Il-Ministru Zrinzo Azzopardi joħroġ mill-awla.
10:30 – L-Avukat Therese Comodini Cachia titlob għal numru ta’ dokumenti biex ‘il quddiem huma jkunu jistgħu jippreparaw għall-mistoqsijiet lill-Ministru Zrinzo Azzopardi. Mistoqsi biex jippreżenta l-minuti ta’ laqgħat mal-BCA. Il-Ministru jgħid li m’għandux x’jippreżenta hekk kif qatt ma ttieħdu minuti waqt il-laqgħat.
10:14 – Il-Perit Mario Cassar jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru Zrinzo Azzopardi. Il-Perit jgħid li hemm bżonn li jkun hemm persuni ‘on call’ meta meħtieġ. Il-Ministru jgħid li dejjem ikun hemm iżda l-Perit joġġezzjona għal dan, jgħid li dan mhux minnu. Il-Perit jgħid li l-pubbliku jeħtieġlu li jkollu komunikazzjoni faċli.
10:12 – Il-Ministru jwieġeb li l-iskop kollu hu li jkun hemm sikurezza fis-settur.
10:11 – L-Imħallef jistaqsi jekk il-Ministru hux kuntent li tiżdied il-burokrazija filwaqt li jagħmel referenza għan-nuqqas ta’ infurzar meta wieħed jiġi fil-ħajja ta’ kuljum.
10:09 – L-Imħallef jistaqsi lill-Ministru Zrinzo Azzopardi dwar l-ammont ta’ persuni li jinfurzaw il-liġijiet fis-settur. Il-Ministru jgħid li hemm madwar 20 persuna fl-infurzar f’Malta u f’Għawdex.
10:05 – L-Imħallef jibda jsaqsi dwar il-BCA lill-Ministru Zrinzo Azzopardi.
10:02 – Il-Ministru Zrinzo Azzopardi jgħid li huwa ċar min għandu jerfa’ r-responsabbiltà filwaqt li kkonferma li hemm bżonn mezzi iktar sostenibbli għas-sigurtà fis-settur. Jgħid li fid-dawl ta’ kull mewta jsir kollox biex tiġi evitata.
10:00 – L-Imħallef jgħid lill-Ministru Zrinzo Azzopardi li hu fatt li l-inċidenti f’dan is-settur żdiedu. Jistaqsi lill-Ministru x’sar fid-dawl ta’ dan.
09:51 – Jibdew mistoqsijiet mill-Imħallef dwar l-OHSA lill-Ministru Zrinzo Azzopardi.
09:45 – Il-Ministru Zrinzo Azzopardi jieħu l-ġurament li jgħid il-verità waqt ix-xhieda tiegħu. Zrinzo Azzopardi huwa Ministru responsabbli mix-Xogħol Pubbliku u l-Ippjanar.
09:44 – L-Avukat Therese Comodini Cachia tippreżenta lista b’talba li x-xhieda jippreżentaw entitajiet pubbliċi u rappreżentanti tagħhom għar-rapreżentanti ta’ dokumenti b’rabta ma’ din l-Inkjesta.
09:43 – Jidħol fl-awla u jieħu postu biex jieħu l-ġurament, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.
09:40 – L-Imħallef jgħid li Isabelle Bonnici tista’ tibqa’ fl-awla, b’differenza għal xhieda oħra. Issir talba mill-avukat Therese Comodini Cachia biex il-missier, John Sofia wkoll jibqa’ fl-awla. Il-Qorti tapprova dan.
09:35 – Tintemm ix-xhieda ta’ Isabelle Bonnici.
09:20 – Isabelle Bonnici lura fix-xena. L-omm tieħu ġurament li tgħid il-verità waqt ix-xhieda tagħha.
Tibda ix-xhieda ta’ Isabelle Bonnici:
“Inħobbok ma” – Din kienet l-aħħar kelma li qal Jean Paul Sofia lill-ommu f’telefonata qasira. Filgħodu, ommu ma kinitx rat lil binha hekk kif dan kien telaq minn kmieni lejn ix-xogħol.
L-ewwel ħaġa li l-omm kienet mgħarfa fil-post tat-traġedja kienet li Jean Paul kien inħareġ mis-sit u ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Meta hi marret l-Isptar, l-omm ġiet mgħarfa li binha ma kienx daħal l-Isptar.
Meta l-omm marret lura ħdejn is-sit, sħab Jean Paul Sofia, li kienu waslu fil-post, ikkonfermawlha li Jean Paul kien għadu taħt it-terrapin.
It-tama tal-omm tul is-sigħat ta’ stennija qatt ma mietet.
Mument emozzjonali hekk kif l-omm bdiet tgħid il-ħsibijiet tagħha tul dawn is-sigħat kollha. Bdiet issaqsi lilha nnifisha jekk forsi binha kienx għadu ħaj, jgħajtilha biex iħaddanha miegħu.
L-omm tiddiskrivi lil binha bħala tifel li trabba b’ħafna għożża.
Issaqsi bla tweġiba kif binja possibilment tista’ taqa’ b’dak il-mod. Tgħid li kieku l-affarijiet kienu differenti, Jean Paul għadu ħaj.
Qalet li kieku hemm nuqqas ta’ rejgħba fis-settur, kieku l-ebda persuna oħra ma tilfet ħajjitha. Tagħmel referenza għall-mewt ta’ Miriam Pace, liema mewt jidher li seħħ bla ebda tibdil hekk kif ħadd ma tgħallem xejn minn dan.
Tgħid li tixtieq li kieku l-affarijiet jinbidlu, il-ħaddiema fis-settur ikunu siguri u l-ebda familja ma tgħaddi minn dak li l-omm għaddiet minnu. Trid tara infurzar fuq il-liġijiet li diġa’ hemm.
L-omm tgħid li qed tistenna ġustizzja, u sigurtà biex il-mewt u l-inċidenti jonqsu. L-omm fakkret li fl-aħħar 4 snin rajna 29 mewta.
Mistoqsija wara l-oħra dwar in-nuqqas ta’ azzjonijiet u sigurtà li l-awtoritajiet qed jieħdu fir-rigward tal-kostruzzjoni.
Titlob lill-Qort biex ma tinvestigax biss l-affarijiet sempliċi iżda jidħlu fid-dettal sabiex insiru nafu l-verità kollha.
“Mhux se nara lill-ibni jiżżewweġ u jkollu t-tfal iżda tal-anqas irrid nara li ma jkunx miet għalxejn” – tgħid l-omm, Isabelle Bonici.
L-omm qalet li tal-anqas, permezz ta’ din l-Inkjesta Pubblika, ma tridx li binha jkun miet għalxejn.
09:16 – Kaos fl-awla wara li persuna oħra, Publius Said talab biex jixhed, minkejja li illum ma kienx imsejjah biex jixhed. Said qal li hu kellu xi informazzjoni x’jgħati lill-Qorti dwar dan il-każ. L-Imħallef qallu biex jagħmel talba għax-xhieda. Said jinħareġ barra mill-awla.
09:15 – L-omm, Isabelle Bonnici tieħu postha biex tibda bix-xhieda tagħha.
09:12 – Jinqraw it-termini ta’ din l-Inkjesta Pubblika.
Dawn huma is-seba’ aspetti li se tinvestiga l-Inkjesta:
- Jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti, jew xort’ oħra;
- Jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja i l-konsegwenzi tagħha;
- Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-iStat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
- Jiġi investigat jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi.
- Jiġi investigat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonijiet xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
- Jiġi investigat jekk kienx hemm xi enitat tal-iStat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kotruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet mistennija tieħu sabiex tevita risku ta’ korriment u/jew mewt.
- Jitressqu dawk ir-rakomandazzjonijiet kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.
09:10 – Ma tinstabx oġġezzjoni li jipparteċipa l-Avukat tal-Istat fl-Inkjesta “għaliex il-finalità tan-naħat kollha għandha tkun ir-riċerka tal-verità sħiħa u l-ġustizzja fil-milja tagħha.”
09:00 – Jidħol f’Awla 22 l-Imħallef Joseph Zammit McKeon. Tibda l-ewwel sessjoni dwar l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.
Għall-ġenituri taż-żagħżugħ, John Sofia u Isabelle Bonici qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia, Eve Borg Costanzi u Matthew Cutajar. Preżenti wkoll l-Avukat tal-Istat Chris Soler u Anthony Borg.
Illum tingħata bidu għall-Inkjesta Publika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia fit-3 ta’ Diċembru li għadda wara li waqgħet binja f’Kordin. Minn informazzjoni li għandu dan is-sit huma tliet persuni li mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom f’awla numru 22 tal-Qorti. Dawk li se jixhdu huma omm Jean Paul Sofia, Isabelle Bonnici, il-Ministru Clyde Caruana u l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.
L-Imħallef Joseph Zammit McKeon, li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Ombudsman, se jkun qed imexxi din l-inkjesta flimkien mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-espert tekniku l-Perit Mario Cassar.
Din l-inkjesta se tkun qed twettaq skrutinju mhux biss fis-settur tal-kostruzzjoni iżda f’setturi oħra li mhumiex jaħdmu fil-pajjiż. Din infetħet wara xhur twal ta’ pressjoni mill-familja ta’ Jean Paul Sofia kif ukoll mill-Partit Nazzjonalista u numru kbir ta’ għaqdiet u NGOs.
Il-Prim Ministru Robert Abela ma kienx qabel ma inkjesta pubblika u kien ġiegħel lill-MP’s Laburisti biex jivvotaw kontra li ssir fejn ma kienx qabel ma’ mozzjoni tal-oppożizzjoni biex din issir.
Fit-12 ta’ Lulju il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex issir inkjesta pubblika m’għaddietx mill-parlament b’32 vot favur u 40 vot kontra. Ftit tal- jiem biss wara dan l-episodju u wara pressjoni kbira u protesti kbar mill-poplu, il-Prim Ministru Abela għamel u-turn u ħabbar il-ftuħ ta’ inkjesta pubblika.
Il-Gvern qed jimmira li r-rapport tal-inkjesta pubblika jitlesta fi żmien ħames xhur (għalkemm tista’ tintalab estensjoni) jiġi ppublikat sa tlett ijiem wara. F’ittra lill-Bord ta’ Inkjesta Amministrattiva hemm imniżżla t-termini ta’ referenza tal-inkjesta. Waqt li kienet qed issir l-inkjesta Maġisterjali Robert Abela kien qed jagħmel pressjoni fuq il-ġudikatura, l-aktar fuq il-Maġistrat inkwerenti Marsanne Farrugia biex tingħalaq l-inkjesta maġisterjali malajr kemm jista’ jkun.