Lokali

“Nieħduha kontra min jurina r-realtà kif tkun – inwaħħlu fih li jħobb jeqred” – Evarist Bartolo

Jirreaġixxi għal li qalu fil-konfront tiegħu uħud mid-Deputati tal-Labour

“Ma nieħdux gost bir-realtà meta tkun qawwija ż-żejjed, morra u mhux kif togħġobna. Nieħduha kontra min jurina r-realtàkif tkun. Inwaħħlu fih li jara l-ikreh biss u jħobb jeqred u jaqta’ l-qlub.”

Hekk sostna l-Eks Ministru Laburista Evarist Bartolo jumejn biss wara li permezz ta’ Facebook post oħra kien alluda li l-Partit Laburista huwa vapur f’nofs ta’ baħar bil-kaptan imexxih b’nofs qalb.

Dan filwaqt li stqarr li l-ekwipaġġ qed jitlef il-fiduċja fih u li m’hemmx fiduċja f’dawk li jgħidu li lesti jidħlu għall-pożizzjoni tiegħu.

Evarist Bartolo insista li l-vapur, ċioè il-Partit li preżentament jinsab fil-Gvern, qed jitkaxkar iżjed waħdu mingħajr direzzjoni…f’baħar imqalleb.

Għaldaqstant wara din id-dikjarazzjoni iebsa ftit tas-sigħat wara Net News kien preżenti quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fejn Robert Abela kien sejjaħ b’urġenza lill-Grupp Parlamentari. Hawnhekk Net News staqsa lid-Deputati ta’ Abela dwar dak li lissen l-eks Membru tal-Kabinett ta’ Abela nnifsu….bid-Deputati skomdi għall-aħħar jgħidu li għandhom fiduċja fil-Mexxej tagħhom.

Madanakollu b’reazzjoni għal dan kollu Bartolo insista li dak li jkun ikun irid min iżejjinlu r-realtà, min jimmansaħhielu u min iżidlu l-għasel sabiex tkun kif irridu.

B’Evarist jisħaq li r-realtà hija rasha iebsa u jekk jaħarbu minnha minflok jaffaċċjawha….xorta waħda tgħaddi tagħha.

Fl-aħħar ġimgħat il-Partit immexxi minn Robert Abela għaddej minn kriżi mingħajr preċedent f’dawn l-aħħar 10 snin – bi kriżi waħda wara l-oħra.

B’sorsi li tkellmu ma’ Net News qrib ħafna l-Amministrazzjoni ta’ Abela f’Kastilja kif ukoll fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jgħidulna li Robert Abela tilef il-kontroll.