Futbol Sport

Numru ta’ bidliet f’bosta kategoriji tat-timijiet nazzjonali

Ivan Woods isir kowċ tal-iskwadra ta’ taħt il-21 sena

Il-MFA ħabbret numru ta’ bidliet fl-istaff tekniku tat-timijiet nazzjonali fil-kategoriji differenti, fid-dawl tal-impenji li ġejjin fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

L-eks kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena Ivan Woods inħatar kowċ tat-tim ta’ taħt il-21 sena minnflok Francesco Macri, li kien interim manager wara t-tluq ta’ Gilbert Agius f’Novembru. Woods se jkun ukoll Kordinatur Tekniku tal-kategoriji kollha minflok Alessandro Zinnari u taħt il-gwida tal-kowċ tat-tim nazzjonali Michele Marcolini.

Mal-iskwadra ta’ taħt il-21 sena, Ivan Woods se jkun assistit minn Francesco Macri u Herman Bugeja.

Fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena, il-kowċ se jkun l-eks kowċ ta’ Pietà Hotspurs Paul Gatt, li se jkun qed jieħu post il-Portugiż Toze Mendes, b’dan tal-aħħar se jkun qed imur lura l-Portugall wara l-esperjenza tiegħu fil-kampjonati Ewropej li saru hawn Malta u l-esperjenza ta’ qabel bħala kowċ ta’ Valletta. Gatt se jkun assistit minn Stefano Grima filwaqt li Alex Ramella se jkun qed jieħu post Andrew Hogg bħala kowċ tal-goalkeepers f’din il-kategorija.

Facundo Styk, li huwa l-Match Analyst tal-iskwadra ewlenija nazzjonali, se jkun ukoll kowċ tat-tim ta’ taħt it-18-il sena, li kien immexxi minn Jonathan Holland.

Minnbarra l-irwol tiegħu ta’ Assistant Coach ta’ taħt il-21 sena, Francesco Macri se jkun qed imexxi wkoll l-iskwadra ta’ taħt is-17-il sena mgħejjun minn Stefano Grima u Mario Capece, b’dan tal-aħħar ikun il-kowċ tal-goalkeepers.

Piero Panzanaro, wiċċ ġdid fl-istaff tekniku tat-tim nazzjonali se jkun qed imexxi l-iskwadra ta’ taħt is-16-il sena kif ukoll se jkun qed jgħin fl-istaff tekniku ta’ Marcolini.

Jonathan Holland se jkun qed jieħu f’idu l-iskwadra ta’ taħt il-15-il sena, assistit minn Adrian Buttigieg.

Fis-sezzjoni tan-nisa, Vince Galea se jieħu f’idu t-tim ta’ taħt is-17-il sena kif ukoll Kordinatur Tekniku, irwol ġdid fi ħdan it-tim nazzjonali tan-nisa. Huwa se jkun assistit mill-eks plejer tat-tim nazzjonali Martina Borg, b’Michelle Zahra tkun involuta fid-dipartiment tal-goalkeepers.

Intant, it-tim nazzjonali Malti tal-irġiel se jkun qed jilgħab partita ta’ ħbieberija kontra Ġibiltà nhar l-Erbgħa 6 ta’ Settembru fit-8pm fl-Istadium Nazzjonali bħala preparazzjoni għall-partita ta’ kwalifikazzjoni tal-EURO 2024 kontra l-Maċedonja ta’ Fuq, liema partita se tintlagħab fit-12 ta’ Settembru fid-8:45pm fl-Istadium Nazzjonali.