Dawk li għandhom għal qalbhom il-festa ta’ Santa Marija tal-Mosta, din is-sena se jsibu ma wiċċhom din ix-xena – barriers madwar ħofra kbira, li magħhom tpoġġew ammont kbir ta’ posters ikkuluriti.
Bil-vara ta’ Santa Marija se jkollha tgħaddi minn quddiem dan kollu, bi propaganda sħiħa mdawra ma’ din il-ħofra li tħalliet nofs leħja.
Fil-fatt, din il-ħofra ddawret b’banners mimlija kliem dwar ix-xogħol li kellu jsir; u li għadu mhux konkluż. U għalkemm dan il-proġett tal-pjazza ilu għaddej ix-xhur ….. ħadd ma jaf meta se jitlesta.
Issa, is-Sindku Laburista Chris Grech qed jgħid li minn nhar it-Tnejn 21 ta’ Awwissu ix-xogħol fuq il-pjazza se jissokta b’ritmu intensiv. Minkejja dan, hu stess ammetta li l-proġett se jibqa’ ikarkar – possibbilment, sal-festi tal-Milied.
Sadatant, ir-residenti qed ikollhom jissaportu l-istorbju u t-trab ma jaqta’ xejn li dan ix-xogħol qed iġib miegħu.
B’oħrajn isibuha kważi impossibbli li jidħlu jew joħorġu mill-Mosta; bit-toroq magħluqin u traffiku kontinwu f’kull ħin tal-ġurnata.



Ritratti: Martin Agius