Lokali

“Sess, ikel, droga u alkoħol irħis” – Ir-reklam ta’ Malta fir-Renju Unit

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi jisħaq li dan huwa tal-mistħija

“Amsterdam-on-Sea – ikel tajjeb, alkoħol irħis u ħaxixa legali. Il-ġenn f’Malta, il-Magaluf il-ġdida.”

Hekk qed jiġi rreklamat pajjiżna fuq il-ġurnal Brittaniku The Sun fejn qalu li dik il-gżira li fi snin passati l-Brittaniċi kienu jfittxuha biex jirrilassaw fiha għal vaganza, ideali għal familji … issa qed tiġbed lejha żgħażagħ li jmorru jitbaħartu fiha.

The Sun kompliet tispjega li dawn iż-żgħażagħ qed jieħdu vantaġġ mill-alkoħol irħis li hawn pajjiżna meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa fejn uħud qed jippreferu jżuru lil Malta milli jmorru Ibiża.

Artiklu ieħor saħaq li f’Malta għandek l-abbundanza tal-istrip clubs, alkoħol kemm trid u xxom ir-riħa ta’ ħaxixa fl-arja daqslikieku tinsab f’Amsterdam jew ir-Red Light District.

Dan filwaqt li qabbel it-toroq ta’ Paceville ma’ dawk ta’ Magaluf, fi Spanja. Intqal ukoll li hawn ħwienet li jbiegħu joints mremblin lesti għat-tipjip. Ġie rrapportat li dawn il-joints l-aktar li jixtruhom huma t-turisti għaliex il-Maltin ikabbru d-dar stess.

Intant kien hemm min tħasseb għal min jista’ faċilment iqabbad joint u sussegwentament jispiċċa jsuq ftit tal-ħin wara.

The Sun irrapportat li f’Mejju, f’Amsterdam sar illegali li tpejjep il-ħaxixa fir-Red Light District kif ukoll li ċċempel lil sex workers wara t-3 ta’ filgħodu. Għaldaqstant issa l-Brittaniċi qed isiefru lejn Malta – fejn il-ġurnalist ta’ The Sun saħaq li minkejja suppost il-joints jitpejpu ġewwa biss….San Ġiljan kien invażat b’żgħażagħ ipejpu l-ħaxixa quddiem kulħadd.

B’reazzjoni għal dan kollu kkummenta l-eks Prim Ministru u Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi fejn saħaq li dan kollu jagħti stampa tal-mistħija dwar pajjiżna u l-kwalitàtas-servizz turistiku provdut.

Huwa saħaq li filli grazzi għal inizjattiva tiegħu pajjiżna seta’ jiftaħar bil-Belt Kapitali tal-Kultura Ewropea – u filli qed pajjiżna qed jitpinġi bħala post fejn il-Brittaniċi jistgħu jiġu jxtru alkoħol irħs u droga kannabis kemm trid.

Lawrence Gonzi insista li Malta teħtieġ turiżmu ta’ kwalità hekk kif hawn Maltin li nvestew miljuni kbar f’lukandi, appartamenti u stabbilimenti ta’ standard għoli  iżda dan il-Gvern huwa ċar li ġie jaqa’ u jqum minn dak kollu li jgħamilna Maltin.

Ġie jaqa’ u jqum mill-kwalità tat-turiżmu, l-ġmiel, l-istorja u l-kultura….għajr għal pjan ekonomiku li jaħdem fuq iċ-cheap labour.

Dan filwaqt li temm jgħid li dan kollu juri li l-Gvern verament qiegħed jitlef il-boxxla.