Tliet persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku aktar kmieni llum.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax u kwart, fi Triq Bormla, Ħaż-Żabbar. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li mara ta’ 67 sena residenti l-Kalkara kienet qiegħda ssuq Suzuki Alto, tilfet il-kontroll u ħabtet f’tliet vetturi pparkjati. Magħha kien hemm riekba tifla ta’ 3 snin.
It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tal-kwarta, fi Triq Dawret Ħal Għaxaq, Ħal Għaxaq. Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li seħħ impatt bejn Toyota Funcargo misjuqa minn raġel ta’ 53 sena li jgħix Ħal Għaxaq, Toyota Aygo misjuqa minn Kanadiż ta’ 42 sena u mutur tas-servizz ta’ Transport Malta misjuq minn Uffiċjal ta’ 31 sena.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u l-persuni involuti fl-ewwel inċident u x-xufier tal-mutur ittieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura medika. Aktar tard, it-tifla u l-uffiċjal ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi, filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>