Lokali Mużika

Gianni Morandi lest għal kunċert spettakolari f’Manoel Island

L-istennija hija kbira hekk kif il-kantant Taljan Gianni Morandi, għamel ir-ritorn tiegħu f’Malta għal kunċert  f’Manoel Island.

L-‘eterno ragazzo’, ‘iż-żagħżugħ ta’ dejjem’, kif inhu magħruf aħjar Gianni Morandi ma’ dawk li għandhom għal qalbhom il-mużika Taljana, jinsab lest sabiex is-Sibt jagħti spettaklu mill-aqwa bil-vuċi versatili u l-preżenza kariżmatika tiegħu. 

Manoel Island, se tkun l-isfond perfett għal avveniment daqshekk importanti – u l-palk huwa mħejji għal lejla ta’ emozzjonijiet u celebrazzjoni mużikali.

U għal dawk iffurtunati biżżejjed li assiguraw biljett, il-kunċert tas-Sibt huwa mistenni li jkun vjaġġ mużikali tul iż-żmien – bil-vuci ta’ Morandi se tinseġ memorji, u emozzjonijiet; vuci li żgur se tgħaqqad lill-udjenza f’kor armonjuż ta’ apprezzament.

Wieħed jistenna li Morandi jħallat il-klassiċi l-kbar tar-repertorju tiegħu  fosthom “Fatti mandare dalla mamma” u “In ginocchio da te”, ma’ oħrajn riċenti inklużi fil-proġett diskografiku l-ġdid “EVVIVA!”, li jinkludu l-kanzunetti ma’ Jovanotti  bħal “L’Allegria” u “Anna della porta accanto”.

Din hija t-tielet żjara ta’ Morandi f’Malta; l-ewwel waħda kienet fl-1991 meta kien lagħab logħba futbol flimkien ma’ diversi  kantanti u ċelebritajiet Taljani kontra personalitajiet Maltin. 

Sabiex imbgħad kien irritorna Malta snin wara – f’Awwissu tal-2007 – meta fil-Valletta Waterfront kien ta kunċert flimkien ma’ Claudio Baglioni u Riccardo Cocciante.

L-aħħar darba li kien f’Malta għal kunċert kien fl-2019 – 4 snin ilu – meta dakinhar ukoll kien ingħata merħba mill-isbaħ.