L-awtoritajiet Ukreni, fl-aħħar sigħat, kienu qed isegwu l-evakwazzjoni ta’ mill-anqas 12,000 ċivili minn xi 40 belt u villaġġi fir-reġjun ta’ Kharkiv, lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan waqt li l-qawwiet tar-Russja kienu qed jagħmlu minn kollox biex javvanzaw minn front tal-gwerra f’dik iz-zona u fejn mill-ġdid spikkaw il-bumbardamenti fuq id-distretti fejn qed jgħixu l-familji Ukreni.
Is-sogru għaċ-ċivili li qed jinsistu biex jibqgħu f’Kharkiv akkost ta’ kollox huwa kbir, bil-Viċi-Ministru Ukren għad-Difiża, Hanna Maliar tikkonferma dwar il-bumbardamenti kontinwi tar-Russi u l-battalji intensivi li kienu għaddejjin fid-diversi setturi tar-reġjun.
Il-belt ewlenija ta’ Kupiansk u t-territorji tal-madwar kienu ilhom okkupati mir-Russi sal-aħħar xhur tal-2022 u sakemm spiċċaw mill-ġdid taħt il-kontroll tal-Ukreni li, permezz ta’ offensiva, kienu keċċew lill-qawwiet tal-Kremlin minn kważi kull zona ta’ Kharkiv.
Iżda waqt li dan kien trijonf kbir minn kull aspett militari, ir-Russi, issa, qegħdin jippruvaw jieħdu lura l-artijiet li tilfu, bil-Viċi-Ministru Maliar tisħaq li l-qawwiet tal-Kremlin qed jippruvaw javvanzaw mill-inħawi ta’ Kharkiv bl-iskop li jaħtfu mill-ġdid il-belt ta’ Kupiansk li tinkludi hub importanti għall-ferroviji.
It-truppi Ukreni li qed jiddefendu l-aktar zoni strateġiċi f’Kharkiv, fis-sigħat li ġejjin, mistennija jikkumbattu kontra t-tankijiet u l-ajruplani tal-gwerra, flimkien mal-artillerija tar-Russja. Dan fost l-istennija għal assedju speċifiku u fit-tul fuq l-inħawi ta’ Kupiansk min-naħa tar-Russi.
//= $special ?>