Lokali

“Il-Mosta jixirqilha aħjar”- Bernard Grech

Ninsabu fl-eqqel tal-festa ta’ Santa Marija li tiġi ċċelebrata f’numru ta’ lokalitajiet kemm f’Malta u f’Għawdex, fosthom fil-lokalità tal-Mosta.

Kien għalhekk li l-Ġimgħa filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar din il-lokalità fejn hemmhekk kellu l-okkazjoni jsegwi fiex wasal il-proġett li qed isir fil-pjazza tal-Mosta. Proġett li fl-aħħar xhur u ġimgħat wassal għal rabja kbira fost ir-residenti minħabba li ħadd ma jaf eżatt meta se jitlesta.  

Bernard Grech sema’ l-karba ta’ ħafna nies dwar it-tbatijiet li qegħdin isofru b’riżultat tal-proġett li qed isir fil-pjazza tal-Mosta. Proġett li qed jagħrraq il-Mosta minħabba nuqqas ta’ pjan u konsultazzjoni li b’konsegwenza ta’ dan numru ta’ nies qed isofru diversi nuqqasijiet. Fil-fatt huwa jkompli jgħid li l-Mostin mhumiex qed jaraw dan il-proġġet bħala xi ħaġa pożittiva.

Bernard Grech tkellem dwar l-importanza tal-ħidma tal-kunsilli lokali, u qal li l-għan tagħhom huwa li jaqdu lir-residenzi kif ukoll lil-lokalità biex isiru proġetti bi pjan, bi ħsieb u konsultazzjoni. Nuqqas ta’ dan qed jirriżulta f’telf ta’ flus kif ukoll dejn li se jitħalla biex ikun jista’ jsir dan il-proġett.

Intant huwa tenna li taħt it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista mhux se jkun hemm dan in-nuqqas ta’ pjanar għaliex il-Mosta u Malta jixirqilhom aħjar.

Matul din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar il-maħżen tal-Grupp Armar Marija Assunta fejn hemmhekk kellu l-okkażjoni jiltaqa’ ma’ grupp ta’ voluntiera fosthom anke tfal li kienu għaddejjin bl-aħħar perparament ta’ armar proprju ftit jiem biss qabel il-festa ta’ Santa Marija.

Il-proġett li għaddej bħalissa fil-Mosta affettwa wkoll l-armar f’din il-lokalità hekk kif minħabba l-fatt li ċerti toroq għadhom magħluqin peress li għadhom ma sarux, ma setax isir armar fihom.

Bernard Grech kellu wkoll l-okkazjoni li jiltaqa’ ma’ membri mis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal Mosta. Preżenti flimkien ma’ Bernard Grech kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, id-Deputati Ivan Bartolo u David Agius kif ukoll Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u membri tal-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista tal-Mosta.