L-evidenza qed turina li s-sitwazzjoni fl-edukazzjoni hija mera eżatta tas-sitwazzjoni fis-soċjetà. Fejn il-faqar huwa fattur ewlieni li qed jikontribwixxi wkoll għar-riżultati li qed jiksbu l-istudenti.
Hekk stqarr il-Professur Carmel Borg, Kap tad-Dipartiment tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Università ta’ Malta. Dan wara li fl-aħħar jiem… l-istatistika uriet kif 20% ta’ dawk li għamlu l-‘O’levels, m’għaddewx minn dawn l-eżamijiet.
“Ir-riżultati fl-edukazzjoni jirriflettu l-qasma li hawn fis-soċjetà fejn is-sistema edukattiva inġusta hija mera ta’ soċjetà inġusta. Għandek qasma fir-riżultati għax għandek qasma fis-soċjeta ikbar. Meta wieħed janalizza min qed jeħel f’dawn l-eżamijiet jara li huma tfal li ġejjin minn sfond soċjali, ekonomiku diffiċli li qed imorru ħażin f’dawn l-eżamijiet.“
U kollox jindika li l-faqar huwa wieħed mill-fatturi li qed iwassal għal dawn ir-riżultati ħżiena.
“Min qed jgħix fil-faqar, min ma jafx jekk hux se jiekol illejla, min ma jafx jekk għandux saqaf fuq rasu, diffiċli joqgħod jaħseb, hu u l-ġenituri tiegħu dwar l-edukazzjoni. Min għandu problemi ta’ saħħa mentali fid-dar diffiċli jaħseb fuq is-sistema u fuq ir-riżultati edukattivi. Hemm kuntest soċjali li b’mod strutturali qed jikkontribwixxi bis-saħħa lejn dawn ir-riżultati.“
Il-Professur Borg żied jgħid li hemm xibka wiesgħa ta’ raġunijiet għafejn qed ikollna dawn ir-riżultati ħżiena fl-eżamijiet.
“Jekk irridu nifhmu bis-serjetà dawn ir-riżultati fl-edukazzjoni ma nistgħux nibqgħu fl-edukazzjoni, irridu mmorru għall-politika soċjali, politika ekonomika, politika fiskali, politika kulturali u dik tas-saħħa. Ara daqsxejn kemm hi kumplessa din is-sitwazzjoni fl-edukazzjoni fejn ħafna drabi nibbanalizzaw meta nissimplifikaw ir-raġunijiet forsi għala qegħdin infallu proprju fis-sistema edukattiva.“
Il-Professur Carmel Borg tkellem dwar kemm huwa importanti li t-tħassib tal-ġenturi, tal-għalliema u anke tal-istudenti infushom jingħaqdu mal-evidenza tal-akkademiku u tar-riċerkatur ħalli tinstab l-aħjar soluzzjoni f’dan ir-rigward.
“Vera qed ikun hemm konsultazzjoni imma qed ikun hemm konsultazzjoni f’cylos, jiltaqgħu magħna bħala fakultà, jiltaqgħu mal-għalliema, mal-amministrazzjoni… dik mhix l-istrateġija li jiena nara li hija produttiva. L-istrateġija produttiva hija meta dawn il-kurrenti kollha jiltaqgħu fi spazji pubbliċi u jidjalogjaw u jirriflettu flimkien biex tieqaf din l-idea ta’ swaba’ jippuntaw lejn xulxin.“
Huwa qal li wieħed m’għandux jiffoka biss fuq ir-riżultati għax l-edukazzjoni mhix sempliċiment ir-riżultati biss.
“Hemm bżonn diskussjoni serja u pubblika u onesta dwar x’kontenut qed nagħtu lit-tfal, dwar l-esperjenza kurrikulari li aħna qed nagħtu lit-tfal għax jista’ jagħti l-każ li t-tfal qed jgħaddu mill-eżamijiet imma l-esperjenza kurrukulari tagħhom mhix ta’ kwalità. Jista’ jkun li jkollna sorpriżi u nindunaw li qed nedukaw mhux għall-prezent u għall-futur imma għall-passat.“
Il-Professur Carmel Borg jitkellem ukoll dwar il-formazzjoni li qed tingħata lill-edukaturi. U saħaq li għandu jkun assigurat li t-tfal jingħataw il-formazzjoni li verament għandhom bżonn.
“Aħna żguri li kull adult li qiegħed mat-tfal huwa kwalifikat u denju li jkun fil-klassi mat-tfal. Aħna żguri li kull min qiegħed mat-tfal vulnerabbli huwa kwalifikat biex ikun mat-tfal vulnerabbli.“
Huwa qal li wara dan ir-riżultat ħażin fl-eżamijiet, din is-sena kien hemm ammont akbar ta’ nies fosthom professjonisti, akkademiċi u anke politiċi li urew it-tħassib tagħhom għal din l-istatistika. U din hija xi ħaġa pożittiva għax turi li kulħadd huwa lest li jaħdem aktar sabiex l-istudenti jkollhom l-aqwa tagħlim.
//= $special ?>