L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Mons Jesmond Manicaro bħala Vigarju Episkopali għall-Liturġija.
Mons Jesmond Manicaro twieled Raħal Ġdid nhar is-27 ta’ Awwissu 1964. Studja fl-Università ta’ Malta fejn kiseb Baċellerat fit-Teoloġija u Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali. Kompla l-istudji tiegħu fl-Istitut Pontifiċju Liturġiku ta’ San Anselmo f’Ruma fejn kiseb il-Liċenzja u d-Dottorat fil-Liturġija. Hu ġie ordnat saċerdot nhar il-5 ta’ Lulju tal-1991. Serva fil-parroċċi ta’ Ħaż-Żebbuġ, Santa Luċija, u Bormla. Bħalissa qed
jaqdi l-ministeru pastorali tiegħu bħala rettur tal-Knisja tal-Erwieħ f’Ħal Tarxien. Kien ukoll lettur fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u sa mis-sena 2000 delegat tal-Arċisqof għall-Liturġija.
Il-missjoni tal-uffiċċju tal-Vigarju Episkopali għal-Liturġija hi li jieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, tas-sagramenti u s-sagramentali l-oħra kif ukoll il-Liturġija tas-Sigħat. Dan il-vigarjat jippromwovi liturġija attiva li tħalli l-frott. Dan billi jipprovdi formazzjoni għall-Insara kollha kif ukoll il-mezzi meħtieġa biex il-liturġija tkun iċċelebrata bl-aqwa mod fil-komunitajiet kollha, hekk kif il-liturġija hi l-għajn u l-quċċata
tal-ħajja tal-Knisja.
Fi kliem il-Papa Franġisku, il-liturġija tagħtina l-possibilità niltaqgħu ma’ Kristu, u b’hekk jistieden lil kulħadd biex jiskopri u jgħix il-verità tal-qawwa taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
//= $special ?>