L-agħar inċidenza ta’ nirien fl-istorja ta’ Hawaii qed tħalli dejjem aktar vittmi minbarra mijiet ta’ persuni neqsin li kapaċi jżidu maċ-ċifra tal-vittmi ladarba jsiru l-aħħar kalkuli tat-traġedja storika.
L-aħħar rapporti qalu li tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 60 persuna b’kaġun tan-nirien u li l-maġġoranza assoluta tan-neqsin huma residenti fil-gżira ta’ Maui…Gżira li nbidlet f’’art ta’ ħadd’ wara li ġarrbet il-qilla tal-fjammi li qerdu medda sħiħa ta’ foresta fil-madwar qabel avvanzaw lejn iċ-ċentri għar-residenti.
Sadanittant, ir-residenti jinsabu fi stat ta’ xokk kbir wara li tilfu djarhom u l-affarijiet personali tagħhom fost in-nirien. Is-sens ta’ disprament hu partikularment qawwi fost in-nies li għexu dejjem f’Maui u li kollox ‘sarilhom irmied’ waqt li qed iħarsu lejn futur inċert.
Fil-fatt, il-maġġoranza tar-residenti tilfu litteralment kollox fin-nirien u meta l-komunità ta’ Maui għandha ddum tistenna s-snin sakemm tirkupra minn din id-diżgrazzja.
Il-Gvernatur ta’ Hawaii, Josh Green, ammetta li l-Istat Amerikan qed jiffaċċja l-akbar katastrofi fl-istorja, bin-nirien jeqirdu sa tmenin fil-mija tal-belt ewlenija ta’ Lahaina, maġenb il-kosta, u li kienet intużat kemm-il darba bħala lokalità għall-industrija tal-films.
Fil-fatt, Green sostna li n-nirien qerdu ‘il fuq minn 1,000 residenza f’Lahaina li hi wkoll il-kapitali storika ta’ Hawaii,
Ir-residenti li rakkuntaw dwar ix-xeni ‘apokalitiċi’ fid-diversi bnadi ta’ Hawaii qalu li spiċċaw jgħixu taħt sema’ ħamranija b’kaġun tan-nirien u fejn għandhom imnifsejhom mimli bit-trab fost l-irwiefen tal-arja sħuna fir-reġjun.
L-awtoritajiet laħqu evakwaw l-għexieren tat-turisti minn Maui, waqt li aktar minn 11,000 resident spiċċaw mingħajr provvista tad-dawl fin-naħat tal-gżira lejn il-Punent.
L-iskwadri għat-tifi tan-nirien għalissa għadhom qed jikkumbattu n-nirien f’Maui u li wħud baqgħu inkontrollabbli minħabba l-qilla tal-irwiefen li bdew jiċċirkulaw il-fjammi lejn kull rokna tal-gżira.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden iddikjara ‘stat speċjali ta’ emerġenza’ fil-konfront tal-katastrofi fl-Istat ta’ Hawaii u liema dikjrazzjoni tippermetti għal fondi federali li jmorru lejn ir-rikostruzzjoni tal-ibliet u z-zoni li ma baqgħux jeżistu wara li ġarrbu l-qilla tal-fjammi.
//= $special ?>