L-istaġun tas-Sajf iġib miegħu eluf ta’ turisti lejn pajjiżna sabiex igawdu x-xemx, il-baħar u dak kollu li joffri pajjiżna bix-xahar ta’ Lulju jara l-wasla ta’ għexieren ta’ turisti lejn il-Gżejjer Maltin.
Ċifri maħruġa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta juru li matul Lulju, l-Italja baqgħet l-aktar suq importanti għal pajjiżna b’titjiriet minn u lejn 20 ajruport mingħajr l-ebda sinjal li ċċedi postha lir-Renju Unit – li kien it-tieni l-aktar suq popolari tax-xahar.
Interessanti l-fatt li s-suq Franċiż kompla juri titjib eċċezzjonali hekk kif irreġistra żieda ta’ 52% fuq l-2019 biex b’hekk dan is-suq issa qabeż is-suq Ġermaniż bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-MIA. Dan it-titjib huwa riżultat tal-fatt li ħames linji tal-ajru qed joperaw titjiriet minn u lejn 10 ajruporti Franċiżi.
Il-movimenti tal-passiġġieri minn Spanja raw żieda marġinali ta’ 1.2% fuq l-2019 biex b’hekk dan is-suq żamm l-istess post li ilu jokkupa minn Mejju li għadda bħala l-ħames l-aktar suq importanti għal pajjiżna.
Ix-xahar ta’ Lulju l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ xejn inqas minn 848,716 persuna. U allura dan ifisser rekord li s’issa kellu f’idu Awwissu tal-2019 b’aktar minn 25,000 moviment ta’ passiġġieri.
Minkejja din l-attività kbira li kellna f’Lulju, il-btajjel ta’ Awwissu mistennija jikkontribwixxu għal jiem aktar impenjattivi għall-ajruport.
It-traffiku fl-MIA huwa mistenni jilħaq il-qofol tiegħu bejn is-17 u l-24 ta’ Awwissu, bl-ajruport ibassar li ser ikun qed jilqa’ aktar minn 32,000 passiġġier f’kull waħda minn dawn il-ġranet.
//= $special ?>