Bir-raġun li x-xahar li għadda kulħadd kien qed jilmenta bis-sħana. Dan għaliex Lulju kien l-aktar xahar sħun fir-rekords tal-Uffiċċju Meterjoloġiku b’temperatura medja ta’ 29.6 grad celcius.
Il-konferma waslet wara li ħarġu ċ-ċifri uffiċjali għax-xahar ta’ Lulju; statistika illi turi kif ix-xahar li għadda kien kiefer tassew!
Minkejja dan ir-rekord, xorta waħda ma esperjenzajniex l-ogħla temperatura li qatt kejjel l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fil-fatt, it-temperatura massima f’Lulju telgħet għal 42.7 gradi celsius. Dan meta l-ogħla temperatura li qatt ġiet imkejla kienet ta’ 43.8 gradi celcius f’Awwissu tal-1999.
Fi kliem semplici – bħala medja ta’ xahar sħiħ, Lulju tassew offra rekord ta’ sħana. Iżda fuq ġurnata waħda, ir-rekord għadu qed jinżamm minn Awwissu ta’ 24 sena ilu.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Meterjoloġiku intqal ukoll li għal sitt ijiem konsekuttivi, it-temperatura massima varjat bejn l-40 grad celcius u 42.7 gradi celcius hekk kif intensifikat il-mewġa ta’ sħana li kaxkret għal għaxart ijiem sħaħ – ġranet li matulhom esprejenzajna ukoll qutgħ fil-provvista tad-dawl.
Minn naħa l-oħra, l-aktar temperatura baxxa kienet imkejla fis-6 ta’ Lulju meta t-temperatura niżlet għal 21.1 grad celcius u allura dan ifisser grad inqas min- norma klimatika ta’ Lulju.
Barra minn hekk, matul ix-xahar ta’ Lulju kellna xejn inqas minn 382 siegħa xemx, fejn anke fl-inqas ġurnata mdawla tax-xahar kienu mkejla kważi 11-il siegħa ta’ xemx.
Filwaqt li x-xahar ta’ Lulju kien aktar kalm milli mistenni fejn jidħol ir-riħ, l-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha kienet fit-tieni jum tax-xahar.
Eventwalment, ir-riħ mill-Majjistral lejn l-aħħar ta’ Lulju ġab miegħu temperaturi aktar friski u komdi. Għalkemm skont it-tbassir, wara Santa Marija s-sħana se terġa’ tgħolli rasha – b’temperaturi li jqarrbu l-40 grad.
//= $special ?>