Raġel residenti l-Mosta ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco li sawwat lis-sieħba tiegħu wara li kien issuspetta li hi kienet iħħekkjatlu l-mowbajl. Is-sieħba tiegħu għażlet li ma tixhidx kontrih fil-proċeduri.
Simon Gordon Hegarty ta’ 40 sena residenti l-Mosta, kien tressaq il-Qorti b’arrest fil-31 ta’ Lulju wara li kien arrestat minħabba l-inċident li allegatament seħħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt, 29 ta’ Lulju. Il-Qorti kienet semgħet kif il-koppja bdiet targumenta ġewwa karozza.
Ir-raġel ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ is-sieħba tiegħu, ġibdilha xagħra fejn spiċċaw inqalgħu wkoll trofof tac- xagħar minn diversi postijiet. Iktar tard hu qal lill-pulizija li s-sieħba tiegħu kienet iħekkjatlu l-mowbajl waqt li kien imsiefer. Huwa qal li kellu suspetti oħra fir-rigward tagħha.
Meta kien tressaq il-Qorti, Hegarty wieġeb mhux ħati li volontarjament kkaġuna ferita gravi fuq l-allegata vittma, li wassalha biex tibża’ mill-vjolenza kif ukoll li sar reċidiv. Talba għall-ħelsien mill-arrest kienet oġġezzjonata mill-Ispettur Sherona Buhagiar, meta tressaq fejn kienet enfasizzat il-gravità tal-akkużi, li kellhom terminu massimu ta’ 10 snin ħabs.
Dan peress ukoll li l-vittma nnifisha kienet għad trid tixhed, u b’hekk il-biża’ ta’ tbagħbis tal-provi kienet reali, sostniet l-ispettur. L-Avukat Franco Debono, li rrappreżenta lill-vittma fil-proċeduri, spjega li d-dehra tal-mara indikaw ġrieħi fil-wiċċ li “mhux pjaċevoli”.
Il-klijent tiegħu ma riedet ebda tip ta’ kuntatt mal-akkużat, kien qal ukoll Dr. Debono. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tan-natura serja tal-każ u l-fatt li kien għad iridu jixhdu xhieda ċivili. Il-Qorti kienet laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma u ħarġet ukoll projbizzjoni fuq isem il-mara.
Projbizzjoni simili għall-akkużat, madankollu, kienet ġiet miċħuda. Meta l-każ ġie quddiem il-Maġistrat Lanfranco, Hegarty ammetta l-akkużi, bil-Qorti tieħu nota ta’ dan il-fatt fejn minbarra sentenza sospiża mpniet ukoll ordni ta’ trattament u ordni ta’ trażżin. L-Avukat Joseph Bonnici kien l-avukat difensur. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru parte civile.