Lokali

WARA S-SAGA TAR-RHIBS: Il-Gvern jippjana biex għada jagħmel ‘media stunt’ ħalli jpinġi stampa sabiħa

Diversi ħaddiema ta’ Transport Malta jinsabu irrabjati għall-mod li bih qed titmexxa din l-aġenzija tal-Gvern, li fl-aħħar jiem reġgħet spiċċat f’dawl ikrah wara s-saga tar-Rhibs illi ma setgħux ibaħħru wara li ġew ikkundannati minn surveyor approvat minn TM stess.

Issa, Net News kiseb informazzjoni li TM qed tħejji sabiex għada torganizza media stunt għall-ġurnalisti sabiex tipprova ittaffi xi ftit mill-ħsara li saret.

Dan is-sit jista’ jikkonferma li fl-avveniment ta’ għada, il-Kap Eżekuttiv ta’ TM Jonathan Borg kellu l-ħsieb li joħroġ fuq il-baħar bir-Rhib tal-‘Pollution Section’ sabiex jagħti l-impressjoni li l-uffiċjali ta’ TM qed jaħdmu sew. Dan meta fil-verità, TM qed tispiċċa iżżarma sezzjoni minn tagħha (ta’ kontra t-tniġġis) sabiex takkomoda dik marittima.

Jirriżulta li ma’ Borg kellu jkun hemm ukoll Rudolph Muscat; persuna li kien ukoll parti mill-Bord tal-Aġġudikazzjoni li ta t-tender għar-Rhibs il-ġodda. B’sorsi jgħidulna li Muscat jaf jieħu post Patrick Pollacco, li issa iċċaqlaq u ħa promotion bħala Chief Officer Land Enforcement fi ħdan Transport Malta.

Il-persuna magħżula għal dan l-irwol huwa persuna li kien direttament involut biex inxtraw bastimenti ġodda tal-infurzar li swew aktar minn €900,000 u li kienu ċċertifikati li ma jistgħux ibaħħru. Il-PN insista illi issa “nafu wkoll li dawn il-bastimenti  tal-infurzar, tħallew taħt tinda wara li ntbagħtu lura mit-tiswijiet li b’kollox allura swew €1,200,000. Dawn għadhom sal-lum ma jistgħux jintużaw.”