Lokali

“Jekk ma tkellimx lill-media jinsewk – Sena wara l-mewt tar-raġel tagħha Catherine Degabriele għadha mingħajr tweġibiet

Wasalna f’punt fejn jekk ma titkellimx mal-media….jinsewk għal kollox.

Hekk sostniet il-mara ta’ Christian Degabriele, is-surġent tal-armata ta’ 35 sena li nqatel wara li ntlaqat f’rasu minn mutur ta’ dgħajsa waqt li kien qiegħed jogħdos. Dan seħħ sena ilu…u s’issa, Catherine Degabriele għadha qed tistenna li l-Inkjesta Maġisterjali tiġi konkluża.

F’intervista mal-ġurnal Times of Malta, hi appellat lil kull min jista’ b’xi mod ikollu informazzjoni dwar dan il-każ sabiex javviċina lill-awtoritajiet anke b’mod anonimu; ħalli ssir ġustizzja ma’ Christian.

Il-mara ta’ Christian Degabriele stqarret illi tittama li xi darba tkun taf x’ġara eżattament – hekk kif saħqet li r-raġel tagħha miet waħdu; u insistiet li trid tkun taf x’wassal għal mewt tiegħu. Dan filwaqt li qalet li ġimgħa wara l-oħra l-avukat tagħha jiċċekkja fejn walsu l-investigazzjonijiet. Madanakollu m’hemm l-ebda aħbar dwar xi żviluppi mill-maġistrat.

Catherine Degabriele saħqet li f’dan il-pajjiż wasalna f’punt fejn jekk ma tkellimx lill-media jinsewk u titħalla tħabbat wiċċek mat-trawma u l-uġigħ waħdek – waqt li tiġri wara s-sistema biex ittik it-tweġibiet…minflok ma s-sistema tgħinek tirkupra mit-telfa.

Christian Degabriele miet fil-11 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra meta ntlaqat minn dgħajsa waqt li kien qiegħed jogħdos fiż-żona bejn Buġibba u l-Gżejjer ta’ San Pawl – huwa kien irrapportat nieqes u nstab fl-għodwa tat-12 ta’ Awwissu grazzi għal tfittxija li saret mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Catherine Degabriele insistiet li r-raġel tagħha kellu ħajtu maħtufa inġustament – u li ħajjitha u speċjalment ħajjet bintha inqalbet ta’ taħt fuq għal dejjem – għalhekk trid it-tweġibiet, trid li verament issir ġustizzja.