Lokali

JITKELLMU R-RESIDENTI: “L-identità kulturali tagħna l-Karkariżi se tintilef”

Ħafna Karkariżi jinsabu irrabjati u fl-istess waqt inkwetati ferm għall-iżvilupp li ġie propost biswit il-Bazilika ta’ Sant’Elena.

Dan hekk kif fl-aħħar ġranet ħarġet l-aħbar illi palazz antik li jmur lura mijiet ta’ snin u li jinsab fil-qalba ta’ Birkirkara ser jinbidel f’lukanda moderna ta’ 4 sulari.

Iż-żona kollha li taqa’ fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana tal-lokal se tiġi mibnija minflok parti kbira mill-ġnien ta’ dan il-palazz residenzjali li l-l-entratura tiegħu tagħti fuq Triq Santu Rokku u li fi żmien il-ħakma Franċiża u fis-snin ta’ wara kien jintuża bħala sptar, qed jiġi propost li tkun qed tospita mat-38 kamra, flimkien ma’ għaxar kmamar oħra fil-palazz innifsu.

Apparti dan, ġie propost ukoll b’ristorant taħt l-art u pixxina fuq il-bejt li tħares direttament lejn il-bażilika.

Din il-binja kienet residenża ta’ Vincenzo Borg Brared, patrijott Karkariz li iffinanżja l-istatwa artistika ta’ Sant’Elena tant ghaziza għall-Karkarizi.

B’reazzjoni għal din l-aħbar, ħafna residenti fuq il-midja soċjali insistew illi dan l-iżvilupp jaf ikun ta’ detriment kbir għall-pitturi u l-affreski uniċi li jżejnu s-soqfa tal-palazz minhabba l-użu ta’ makkinarju li jintuza ghall-iskavar.

Dan filwaqt li oħrajn ikkumentaw fuq il-problema ta’ kongestjoni ta’ traffiku li diġa teżisti fl-inħawi.

Oħrajn saħqu li d-disinn tal-proġett jistona ferm mal-binjiet u l-istil arkitettoniku tal-Pjazza u l-inħawi li huma l-qalba tar-raħal ta’ Birkirkara.

Net News żar din il-lokalità u staqsa lir-residenti x’jaħsbu fuq dan il-proġett.

Din il-kontroversja iddominat il-midja soċjali u l-gazzetti lokali … tant hu hekk li tkellmu diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista li ħarġu kontra dan il-proġett massiċċ.

Dan filwaqt li esprimew ruħhom Deputati Laburisti fosthom il-Ministru Clayton Bartolo li saħaq li ma jaqbilx ma dan il-progett – b’diversi nies jisħqu li l-kumment ta’ Bartolo wasal għaliex qiegħed jibża’ li jitlef xi vot mid-distrett li joħroġ fuqu hu.  

B’reazzjoni għal dak li qal il-Ministru Bartolo, is-Sindku Laburista tal-Gzira Conrad Borg Manche – kkritika in-nuqqas ta’ konsistenza ta’ Gvern tal-Labour għalxiex fejn iridu u fejn jaqblilhom huma joħroġu għonqhom għar-residenti tal-lokal tant u hekk…li lilu ħallewh waħdu.