Il-Prim Ministru qed jibża’ jħabbat wiċċu mad-domandi iebsin
Il-Prim Ministru li jrid ikellem lin-nies tiegħu biss. Prim Ministru li jitkellem u jissottometti ruħu għal intervista dwar materji tal-Gvern mal-magna tal-propaganda tal-Labour biss.
Huwa dan is-sentiment li nħass wara li għal darb’oħra Robert Abela, fil-vesti ta’ Prim Ministru li suppost jirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi kollu u mhux bħala Mexxej tal-Labour tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern fuq l-istazzjon tar-radju tal-partit.
Is-Sibt filgħodu għal darb’oħra l-kitchen cabinet ta’ Abela ssuġġerielu li jissokta bil-kampanja personali biex jiġbed lura is-simpatija ta’ dawk ikkunsidrati bħala l-partitarji ferventi tal-Labour. Dan hekk kif diversi persuni qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista stqarrew ma’ Net News li Abela għaddej minn kriżi mingħajr preċedent, bil-Mexxej Laburista qiegħed jitlef il-fiduċja ta’ dawk l-aktar qrib il-Partit.
Abela tkellem fost l-oħrajn dwar Ħondoq ir-Rummien – madanakollu filwaqt li stqarr li se jkunu qed jippreżervawh, ma kkommettiex ruħu li se jikkonverti din iż-żona f’Heritage Park bħalma qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista. U minflok …. infexx f’attakk partiġġjan.
Apparti minn hekk, b’mod mill-aktar surreali huwa għal darb’oħra reġa’ injora għal kollox l-inkwiet tal-poplu – t-traffiku, l-għoli tal-ħajja, l-ansjetà, u l-bżonn ta’ bidla fil-mudell ekonomiku.
U għażel li jinjora l-appelli interni li qed isirulu anke b’mod pubbliku dwar id-Deputat Parlamentari Rosianne Cutajar, l-Air Malta, l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Clyde Caruana u l-kritika tal-eks Ministru Evarist Bartolo. Injora wkoll l-fatt li bosta għadhom qed jaffaċċjaw kriżi fil-provvista tal-elettriku, injora t-telqa li hawn fit-toroq Maltin u Għawdxin u nnuqqas ta’ indafa li saħansitra l-MHRA appellat għal ħarsien dwarha.
Numru ta’ persuni saħqu li l-Prim Ministru ta’ Malta għandu jindirizza ċertu temi fuq ix-Xandir tal-Istat u jissottometti ruħu għal kull domanda ta’ kull ġurnalist minn kull kamra tal-aħbarijiet. Minflok, Robert Abela qed jagħżel li jilgħab home għaxjibża’ mid-domandi li għandhom isiru u jipriedka għal konvertiti….li s-sinjali kollha qed juru li anke dawn issa qed jiġuhom id-dubju minnu – kif ikkonferma ukoll l-eks Ministru Evarist Bartolo.