Yulan Law hi r-rebbieħa tal-Malta Junior Eurovision Song Contest għal din is-sena biex b’hekk il-kantanta żagħżugħa se tkun qed tirrapreżenta lil pajjiżna fis-26 ta’ Novembru f’Nizza, Franza.
Yulan, li għandha 13-il sena, saħħret lit-tliet ġurija bir-rappreżentazzjoni tagħha tal-kanzunetta ‘Reflections’ mill-film Mulan.
Yulan mhix wiċċ ġdid hekk kif fil-passat kienet ħadet sehem f’The Voice Kids Malta. Hi kienet waslet sal-finali tal-Malta’s Got Talent u anke San Remo Junior Malta. Dan filwaqt li mhux l-ewwel darba li pparteċipat fil-Malta Junior Eurovision Song Contest hekk kif fl-2019 kienet għamlitha wkoll sal-finali.
Il-kantanta rebħet fost 12-il kantant u gruppi li kkompetew għall-finali tal-Malta Junior Eurovision Song Contest.
Fit-tielet post tal-Malta Junior Eurovision Song Contest ġiet Dawn Desira u fit-tieni post ġie Daylin Cassar Randich.
Ir-rebbieħa ntgħażlet wara l-voti li ttieħdu permezz ta’ 80% mill-ġurija u 20% mill-għażla tal-pubbliku.
Hekk kif il-kantanti kollha, għall-ewwel darba, ipparteċipaw b’cover version, issa hemm stennija għall-kanzunetta oriġinali li se tkun qed titkanta minn Yulan fi Franza. Il-kanzunetta mistennija li toħroġ fil-15 ta’ Settembru.
Fl-istorja tal-Junior Eurovision Song Contest, Malta rnexxielha tirbaħ darbtejn, fl-2013 meta rrapreżentat lil Malta Gaia Cauchi u fl-2015 grazzi għal Destiny Chukunyere.