Lokali

“Determinati li lkoll flimkien noffrulek ħajja aħjar” – Bernard Grech

“Determinati li lkoll flimkien bil-ħidma ta’ kulħadd noffrulek ħajja aħjar fejn kulħadd ikun jista’ jgħix b’mod dinjituż f’ambjent aħjar u fejn wieħed ikun jista’ jtejjeb il-ħiliet tiegħu.”

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu fuq Net FM.

Dwar l-isfidi li qed jaffaċċja pajjiżna, Bernard Grech qal li għandna realtajiet li qed jiżviluppaw il-ħin kollu u li qed jitfgħu piż fuq il-poplu kollu, u waħda minn din l-isfidi hija l-għoli tal-ħajja… fejn quddiem dan kollu għandna Prim Ministru li huwa maqtugħ mir-realtà.

Apparti dan, Bernard Grech qal li hemm ukoll bosta problema fis-settur tas-saħħa, fejn anke hawn qed tinħass iż-żieda fil-popolazzjoni. Huwa fakkar li Gvernijiet Nazzjonalisti għamlu tkabbir ekonomiku bi pjan.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar kif id-dejn ta’ pajjiżna żdied fl-aħħar snin hekk kif issa dan qed iħalli l-impatt tiegħu fuq il-poplu Malti fejn kulħadd qed iħoss li mhux qed jgħix komdu f’pajjiżna fosthom minħabba l-għafsa tal-għoli tal-ħajja.

Kien hawn fejn Bernard Grech semma l-proposti li għandu l-Partit Nazzjonalista proprju f’dan is-settur fosthom li ma tkunx intaxxata l-COLA.

Bernard Grech qal li l-PN irid li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku li permezz tiegħu l-ħaddiema jkollhom xogħol aħjar filwaqt li jgħixu f’ambjent aħjar. Fejn ikun attirati ħaddiema barranin iżda li jkollhom pagi għolja għax kulħadd għandu dritt li jkollu kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa.  

Il-Kap tal-PN semma fost l-oħrajn il-proposta ta’ għajnuna għal kumpanija ESG li jkollhom rata ta’ taxxa aħjar għax ikunu qed jgħinu lil pajjiż jimxi ‘l quddiem. Fejn anke hawn, il-Partit Nazzjonalista, b’dawn il-proposti, huwa kommess li jtejjeb l-ambjent ta’ madwarna.

Bernard Grech għamel referenza għall-attivitajiet li se jsiru bejn it-18 u l-20 ta’ Settembru li se jfakkru l-Indipendenza bit-tema għal din is-sena hija ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna”, fejn appella sabiex kulħadd jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’dawn l-attivitajiet.

Fil-bidu ta’ din l-intervista Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Joseph Vassallo li sfortunatament ħalla din id-dinja s-Sibt filgħaxija, bniedem li kien pilastru fis-soċjetà, bniedem li kien iħobb il-lokalità tal-Mosta u lill-familja… bniedem li kien iħobb l-arti u l-mużika.