Diversi għases madwar Malta u Għawdex jinsabu magħluqa minkejja ż-żieda fil-kriminalità li qed jaffaċċja pajjiżna. Fost dawn l-għases magħluqin hemm ta’ San Gwann, tax-Xewkija, tal-Gżira, ta’ Ħ’Attard, kif ukoll tal-Mellieħa.
Kienet il-wiegħda tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li jwaqqaf is-servizz tal-Pulizija fil-Komunità, iżda dan hu servizz li mhux jiffunzjona kif mixtieq u lanqas kif mistenni. Minkejja li l-idea hi waħda tajba, din mhux qed titħaddem b’mod xieraq.
Dan hu t-tort t’Angelo Gafà, hekk kif diversi pulizija li jaħdmu fil-ftit għases li ssib miftuħin qalu li hu qed jkissirhom bix-xogħol, u li m’għandomx biex jaħdmu.
Saħqu li hemm bżonn li dan is-servizz jiġi addattat skont il-bżonnijiet tal-lokalità, hekk kif lokalitajiet ikbar għandhom bżonn iżjed riżorsi, u mhux biss erba’ pulizija li jridu jlaħħqu ma’ għadd kbir ta’ toroq, ħafna drabi bil-mixi.
F’pajjiż fejn il-popolazzjoni żdiedet bla ebda pjan ta’ xejn, huwa meħtieġ li l-għases ikunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji u miftuħa 24 siegħa kuljum, speċjalment biż-żieda tal-kriminalità li qegħdin naraw f’pajjiżna.
Il-Gvern Laburista, u b’mod partikolari il-Ministri Byron Camilleri, qegħdin ifallu milli jagħtu s-serħan tal-moħħ lin-nies. Ma jistax ikun li l-politiku jibqa’ jitfa’ r-responsabbilità fuq il-Kummissarju tal-Pulizija bis-Segretarju Permanenti ma jista’ jagħmel xejn għajr li jirrakkomanda għal xi transfers jew promozzjonijiet. Hemm bżonn li kulħadd jerfa’ r-responsabbilitajiet rispettivi tiegħu.
Suppost l-Għases tal-Pulizija qegħdin hemm biex ikunu wens għan-nies tal-lokal, u biex iservu ta’ deterrent għal min irid jieħu l-Liġi b’idejh. Iżda minflok it-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija qeda tagħżel li tibqa’ gallerija u toqgħod lura milli tieħu xi forma ta’ azzjoni konkreta biex tal-inqas l-Għases tal-Pulizija fil-lokalitajiet ikunu miftuħa.
Dan apparti l-faċċati ta’ dawn l-għases huma mimlija ħmieġ u trab, u jinsabu f’telqa kbira u tal-mistħija.
Ma jistax ikun li pajjiżna, li sa ftit tas-snin ilu biss, kien ġawhra fil-Mediterran, illum sar qisu skip bil-kriminalità tikber, bil-ħmieġ ma’ kullimkien, u sadattant min hu mħallas l-għexieren tal-eluf tal-ewro jonqos sfaċċatament mill-qadi tad-doveri tiegħu.
Quddiem dan kollu, il-poplu jixraqlu ferm aħjar, u ħadd m’għandu jgħix mingħajr is-serħan tal-moħħ. It-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija qegħda turi li hi inkompetenti kif ukoll mhix kapaċi tkun tarka għas-serħan tal-moħħ tan-nies.
//= $special ?>