Internazzjonali

Ekwador: Kriminal ewlieni trasferit lejn ħabs ta’ sigurtà wara l-qtil tal-kandidat għall-Presidenza

Eluf ta’ pulizija u suldati ħadu sehem f’azzjoni li kienet tinvolvi t-trasferiment tal-kap ta’ wieħed mill-akbar gangs kriminali lejn kumpless ta’ ħabs – bl-isem ‘La Roca’ — li jiggarantixxi l-massimu tas-sigurtà.

Il-kriminal ewlieni, Jose Adolfo Macias, magħruf bħala ‘Fito’,  hu akkużat li kien bagħat diversi messaġġi bit-theddid kontra l-ħajja ta’ Fernando Villavicencio – il-kandidat għall-Presidenza ta’ Ekwador li spiċċa maqtul ftit tal-jiem ilu.

Villavicencio kien politiku attiv ħafna kontra l-korruzzjoni u, nhar l-Erbgħa, spiċċa jaqla diversi tiri f’rasu meta kien qed iħalli ċentru fejn kien qed isir rally politiku fil-kapitali, Quito.

Dan il-kandidat kien żvela, qabel, li spiċċa mhedded diversi drabi minn ‘Fito’ li hu l-Kap tal-gang bl-isem Los Choneros u li Villavicencio irrefera għalih diversi drabi bħala ‘pjaga li qed tifni lis-soċjetà f’Ekwador’.

Il-qtil tal-kandidat ixxokkja pajjiż li, fil-parti kbira, ma sofriex daqstant mit-tip ta’ gwerer kontinwi li għaddejjin bħalissa bejn il-gruppi rivali tat-traffikanti tad-droga fil-Messiku u l-Kolombja. Madankollu, il-kriminalità fl-aħħar xhur żdiedet f’Ekwador – f’parti minħabba l-influwenza ‘diretta u indiretta’ tal-cartels tad-droga Messikani u Kolombjani u l-organizzazzjonijiet kriminali l-oħra fir-reġjun.