Qabżu l-100 il-vittmi tan-nirien storiċi li qerdu lill-belt storika ta’ Lahaina fil-gżira ta’ Maui — bl-awtoritajiet, issa, jikkonfermaw li din it-traġedja hi l-akbar waħda ta’ dan it-tip fl-istorja tal-Istati Uniti.
Filwaqt li l-Istat ta’ Hawaii għadu f’morsa ta’ xokk u dieqa, il-Gvernatur Josh Green wissa li l-ammont tal-vittmi tan-nirien mistenni jiżdied b’mod sinifikanti….Dan jiem wara li qabdu l-ewwel nirien qalb foresta u li nfirxu malajr ħafna lejn iz-zoni residenzjali ta’ Maui.
Fl-aħħar sigħat ukoll, l-esperti forensiċi kienu qed jippruvaw jidentifikaw lill-vittmi li nħarqu b’mod li ma jintgħarfux. Dan meta mijiet ta’ nies għadhom ma dehrux mindu l-fjammi litteralment ‘splodew’ madwar il-belt ta’ Lahaina li hi magħrufa madwar id-dinja bħala resort turistiku li, kull sena, ikun frekwentat mill-mijiet tal-eluf tan-nies.
Josh Green, fl-aħħar kummenti tiegħu, qal li dan hu żmien impossibbli għall-Istat ta’ Hawaii minbarra li ħmar-il lejl għar-residenti kollha ta’ Maui.
Hu kompla li l-priorità tal-Istat – li qed jistenna għal aktar fondi federali ta’ emerġenza mingħand il-Gvern Amerikan – tinvolvi l-għajnuna diretta lill-ħajjin li tilfu djarhom fin-nirien. L-awtoritajiet f’Hawaii qed jaċċertaw ukoll li r-residenti f’Maui isibu l-akkommodazzjoni diċenti minbarra li jingħataw l-għajnuna medika meħtieġa.
Filwaqt li n-nirien qalb foresta u t-territorju aħrax huma fil-parti kbira taħt kontroll, l-iskwadri għall-emerġenzi fil-Hawaii xorta għadhom għaddejjin bl-isforzi biex jegħlbu l-aħħar fjammi li baqgħu jaqbdu fid-diversi nħawi ta’ Maui – speċjalment in-nirien fil-madwar ta’ Lahaina, li kważi nqerdet minn fuq il-mappa tal-Istati Uniti.
L-awtoritajiet bħalissa qed ifittxu għall-persuni nieqsa – kif ukoll għal aktar katavri tal-vittmi – qalb iz-zoni viċin il-kosta ta’ Maui u fejn qed jużaw il-klieb imħarrġin għal din it-tfittxija makabra.
Il-Kapijiet tal-Pulizija qalu li t-tfittxija kopriet biss xi ħamsa fil-mija tas-search area indikat u li l-katavri li qed jinstabu qed ikunu suġġetti għat-testijiet tad-DNA rapidi għal raġunijiet ta’ identifikazzjoni.
//= $special ?>