Dan huwa l-ewwel għeluq sninek li mhux se nkunu qed niċċelebrawh flimkien.
Hekk kitbet Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia f’messaġġ fuq Facebook hekk kif it-13 ta’ Awwissu hi jum iebsa ħafna għaliha peress li hi l-ewwel darba li hi u Jean Paul mhux se jkunu qed jiċċelebraw għeluq sninu flimkien.
Isabelle sostniet li l-unika rigal li setgħet tagħti lil binha kien li tixgħed fil-Qorti għall-ewwel darba fl-Inkjesta Pubblika. Kompliet tgħid li hi se tkompli tiġġieled sabiex il-posijiet tax-xogħol ikunu iżjed siguri, u li se tkompli taħdem sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha.
Fil-messaġġ tagħha talbet lil Jean Paul sabiex jibqa’ magħha biex tkun tista’ tibqa’ miexja ‘l quddiem u tagħmel lil binha kburi biha.
Isabelle talbet lil kulħadd biex jiftakru fiha fit-talb tagħhom filwaqt li reġgħet irringrazzjat lil kulħadd għas-sapport kontinwu li qegħdin jagħtuha favur ġustizzja għal binha Jean Paul.
Intant wara seba’ xhur ta’ appelli kontinwi sabiex issir Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Ħamis bdew is-seduti marbuta mal-Inkjesta Pubblika, tliet ijiem biss qabel proprju Jean Paul jagħlaq sninu.
L-Inkjesta Pubblika mmexxija mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, infetħet wara xhur twal ta’ pressjoni mill-familja ta’ Jean Paul Sofia, mill-Partit Nazzjonalista kif ukoll diversi għaqdiet, akkademiċi u NGOs.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien insista li l-Inkjesta Maġisterjali kienet biżżejjed, iżda mbagħad irriżulta li l-Maġistrat stess ammettiet li l-Inkjesta Maġisterjali ma kinitx se tkun biżżejjed biex issir magħrufa l-verità kollha.
Fl-ewwel seduta xehdu Isabelle Bonnici, il-Ministri Clyde Caruana u Stefan Zrinzo Azzopardi. Din l-inkjesta se twettaq skrutinju kemm fis-settur tal-kostruzzjoni, kif ukoll f’kull settur f’Malta li mhux qed jaħdem b’mod adewgwat.
//= $special ?>